Storbju waqt l-O’Levels: “Irrappurtaw lill-Pulizija imma għalxejn”

Studenti li għamlu t-tieni karta tal-eżami tal-Malti fil-livell Ordinarju fl-Iskola Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar ilmentaw dwar l-istorbju li kien hemm fl-inħawi waqt li kienu qed jippruvaw jikkonċentraw u jiktbu.

Minn għexieren ta’ messaġġi fuq Facebook irriżulta li ħames minuti qabel ma beda l-eżami, bdiet tinstema mużika storbjuża kif ukoll mara titkellem fuq mikrofonu. Jidher li l-invigilators ma setgħu jagħmlu xejn minn naħa tagħhom, iżda ċemplu lill-Pulizija, li waqqfu l-mużika biss wara siegħa u tliet kwarti.

 

Dan ifisser li l-istorbju dam kważi t-tul tal-eżami kollu. Sadanittant, l-istudenti kellhom jiktbu tliet komponimenti, wieħed ta’ 400 kelma, u tnejn ta’ 200 kelma ‘l wieħed. Barra minn hekk, kien hemm anke kummenti li l-ġurnata ta’ qabel, waqt it-tieni karta tal-eżami tal-Business Studies, ukoll kien hemm ħafna storbju.

L-għaqda studenteska Pulse fetħet Google Docs form fejn l-istudenti affettwati jistgħu jibagħtu d-dettalji tagħhom, sabiex jippreżentaw ilment formali bħala grupp.  L-istudenti qed jitolbu li l-MATSEC tagħtihom marki bħala kumpens.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, kif ukoll lill-Bord tal-MATSEC.