Stocks ewropej jilħqu l-aħjar livelli fl-aħħar xahar

Stocks ewropej komplew jissaħħu tant li matul il-ġurnata tal-Ġimgħa waslu viċin l-għola valur fl-aħħar xahar. Dan it-tisħieħ qed ikun attribwit b’mod partikolari għal qabża fis-suq tal-propjetà fil-Ġermanja u kif ukoll ħabba l-indikazzjonijiet li t-tensjonijiet fuq it-trade war bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina taffew xi ftit. Iż-żewġ naħat urew sinjali posittivi li lesti jkomplu diskussjonijiet fuq materji importanti matul ix-xahar ta’ Settembru sa ftit ġranet qabel id-deadline ta’ tariffi addizzjonali mill-Istati Uniti.

Din l-aħbar naqqset it-tensjoni li kienet qed tinġema fost is-swieq u għenet biex is-suq tal-istocks iżid b’1 fil-mija fuq is-sessjoni ta’ qabel u għen l-indiċi tal-Istokk ewropew STOXX 600 jitla’ b’0.68 fil-mija biex jilħaq l-ogħla livell mit-2 ta’ Awwissu li għadda.

Analisti qed jargumentaw li l-aktar aħbar posittiva bħalissa hi li ċ-Ċina mhux se teskala din il-battalja tal-kummerċ billi tirritalja kontra l-aħħar tariffi imposti mill-Istati Uniti. Is-swieq issa qed jistennew it-taħditiet li jmiss biex jirreaġixxu għall-aħbarijiet ġodda

Dell issaħħaħħ il-profitti tagħha 

Dell, il-kumpanija internazzjonali li timmanifattura prodotti relatati mal-kompjuters, irreġistrat suċċess fil-profitti tagħha hekk kif marret oltre mit-tbassir stmat minn Wall Street. Dan is-suċċess kien attribwit l-aktar għal żieda fid-domanda għall-desktop computers u kuntratti iktar b’saħħithom għall-użu tas-servizzi tas-servers li toffri fiċ-Ċina. L-ishma tal-kumpanija matul il-ġurnata tal-ħamis raw żieda ta’ disa’ fil-mija.

Minkejja li l-kumpanija qed tesperjenza tnaqqis fid-domanda fost diversi industriji fiċ-Ċina kaġun tat-trade war mal-Istati Uniti, Dell irnexxilha tagħmel diversi kuntratti kbar ma’ industriji mxerrda ma’ għadd ta’ pajjiżi fl-Asja. Din il-ħidma għenet lil kumpanija biex issaħħaħħ fuq medda ta’ sena d-dħul aġġustat għal kull sehem ta’ bejn is-$6.95 u s-$7.40, iżjed minn dak stmat minn analisti fis-settur li ammonta għal $6.42.

Intant il-kumpanija ħabbret ukoll li qed taħdem sabiex iżżid il-prezzijiet ta’ uħud mill-prodotti tagħha minħabba t-tariffa ta’ 5 fil-mija imposta fuq prodotti Ċiniżi. Il-Kap Operattiv tal-kumpanija Jeffrey Clarke stqarr li l-ispejjeż tal-kumpanija qed ikomplu jiżdiedu u għaldaqstant ma’ jifdallhomx mod ieħor ħlief li jgħollu l-prezzijiet.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Għal aktar informazzjoni ibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.