Stil ġdid ta’ spin fil-Vatikan

Il-Papa Franġisku impressjona lil kulħadd bl-abbiltà li jdawwar ballun fuq subajgħ bl-għajnuna ta’ grupp ta’ ċirku mill-Kuba li akkumpanjawh waqt l-udjenza ġenerali li jkollu kull ġimgħa fil-Vatikan.

Għadu mhux ċar jekk l-abbiltà tiegħu li jdwawwar basketball fuq it-tarf ta’ subajgħ kinitx parti mir-reżoluzzjonijiet tal-Papa tas-Sena l-Ġdida però dak li huwa ċert huwa li l-Papa daħal għal din l-isfida bil-ħerqa.

Madwar 20 artisti miċ-Circo Cuba żifnu u għamlu mossi akrobatiċi mad-daqq tal-mużika salsa hekk kif il-Papa segwihom b’daħka fuq wiċċu.

Fl-aħħar tas-serata, il-grupp irċieva l-approvazzjoni tal-Papa li qalilhom biex ikomplu jġibu s-sbuħija lid-dinja.