Stikek tad-dijabete b’xejn lil dawk li qegħdin fuq l-insulina

Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li d-dijabetiċi ta’ Tip 2 se jibdew jieħdu l-istikek li bihom tiċċekkja l-livell taz-zokkor fid-demm b’xejn.
Il-Ministru qal fi stqarrija li l-proġett pilota se jibda fuq erba’ lokalitajiet, il-Gudja, San Ġiljan, l-Imġarr Malta u Kerċem,  fejn dawk kollha li qegħdin fuq l-insulina u fl-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) se jibdew jingħataw l-istikek b’xejn.
Se jingħataw ukoll magna ġdida biex ikunu jistgħu jaqraw ir-riżultat.
Fearne qal li f’Malta hawn madwar 10% tal-populazzjon li huma dijabetiċi, b’6,000 minnhom dipendenti fuq l-insulina.
Dal-proġett ikompli ma’ dak tas-sena l-oħra, meta d-dijebetiċi ta’ Tip 1 ingħataw erba’ stikek taz-zokkor kuljum.
Il-Ministru ħabbar ukoll li s-sena d-dieħla l-proġett se jkun qed jestendi ruħu għall-persuni l-oħra li għandhom id-dijabete ta’ Tip 2, iżda li mhumiex fuq l-insulina.
Il-persuni intitolati għall-istikek se jirċievu ittra d-dar.