Stħarriġ tal-Kamra tal-Kummerċ juri li n-negozji jridu iżjed għajnuna

Il-Kamra tal-Kummerċ ippubblikat ir-riżultati ta’ stħarriġ li wettqet fost il-membri tagħha u sabet li n-negozji jeħtieġu aktar sapport u gwida aktar realistika mingħand l-awtoritajiet sabiex jevitaw li jkeċċu aktar ħaddiema.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kamra tal-Kummerċ, ibbażata fuq stħarriġ li sar din il-ġimgħa. Il-Kamra tal-Kummerċ qiegħda twettaq stħarriġ ta’ din ix-xorta ta’ sikwit sabiex iżżomm ruħha infurmata bis-sitwazzjoni reali li qegħdin jaffaċċjaw in-negozji f’dan iż-żmien ta’ kriżi, sabiex din is-sitwazzjoni tkun tista’ tittrażmettiha fil-laqgħat tagħha mal-awtoritajiet f’isem in-negozji.

Il-Kamra qalet li hi qiegħda ssejjaħ għal bidla fil-mod kif in-negozji qegħdin jingħataw sapport fl-għoti tal-pagi, ibbażata fuq il-kriterji marbuta ma’ telf fil-fatturat minflok fuq il-kodiċi NACE, il-klassifika Ewropea tal-attivitajiet ekonomiċi. Ġie spjegat li n-negozji li ma japplikawx għalihom dawn il-kodiċi f’Annessi A u B qegħdin jaffaċċjaw diffikultajiet kbar bħalissa, filwaqt li l-awtoritajiet huma neqsin minn kriterji oġġettivi fuq kif japprovaw is-sapport mogħti.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri lbieraħ ħabbar li l-wage supplement scheme li qed tingħata sabiex jiġu salvati kemm jista’ jkun impjiegi, se tibqa’ tingħata f’Mejju u f’Ġunju. Schembri kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia. Flimkien taw l-aħħar dettalji dwar il-miżuri ta’ sapport ekonomiku li qed joffri l-Gvern minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-Kamra ssoktat tgħid illi hija proponiet strateġija konkreta għal kif il-Gvern jista’ joħroġ minn dan il-perjodu ladarba l-ekonomija terġa’ tibda tiffunzjona. Din il-miżura, qalet il-Kamra, tissalvagwardja x-xogħlijiet, u tneħħi l-pressjoni minn but il-pubbliku.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li l-miżuri għandhom jibdew jittaffew ladarba l-awtoritajiet tas-saħħa jaraw li huwa sigur li jsir dan. Malli jitħabbar dan, għandha tibda tingħata ftit kjarezza u gwida lin-negozji sabiex dawn ikunu jistgħu jippjanaw b’mod tanġibbli, stqarr Xuereb.