Stħarriġ MISCO: It-tesserati jagħżlu lil Bernard Grech

63% favur Bernard Grech; 17% favur Adrian Delia

Read in English.

Minn stħarriġ li għamlet il-kumpanija MISCO fost 400 tesserat tal-Partit Nazzjonalista ħareġ li l-maġġoranza jippreferu lil Bernard Grech minflok lil Adrian Delia.

Il-poll sar bejn il-Ġimgħa 7 ta’ Awwissu waranofsinhar u s-Sibt 8 ta’ Awwissu filgħodu, jiġifieri wara li kien evidenti li t-tellieqa għall-kariga ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista hija bejn Bernard Grech u Adrian Delia.

Għall-mistoqsija: “Jekk kellek tagħżel bejn Adrian Delia u Bernard Grech bħala l-kap li jmiss tal-Partit Nazzjonalista, lil min tagħżel?”, 63% qalu li jagħżlu lil Bernard Grech, 17% qalu li jagħżlu lil Adrian Delia, filwaqt li 20% ma kellhom l-ebda preferenza.

Ir-raġunijiet li taw dawk li jippreferu lil Bernard Grech kienu għax:

  • onest
  • nadif
  • l-aħjar għażla
  • iktar kompetenti
  • hemm bżonn bidla

Dawk li għażlu lil Adrian Delia qalu li jippreferu lilu għax:

  • jaħdem
  • biex ikompli t-terminu tiegħu

Meta l-400 tesserat ġew mistoqsija jekk jaħsbux li l-Partit Nazzjonalista jistax jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja b’Adrian Delia bħala kap, 74% wieġbu fin-negattiv. Għall-istess mistoqsija imma b’Bernard Grech bħala kap, il-persentaġġ niżel għal 44%.

Il-Ġimgħa, Bernard Grech issottometta l-interess tiegħu biex jikkontesta għal kap tal-PN. Dan wara li ntlaħaq qbil biex hu jkun l-unika kandidat li jikkontesta lil Adrian Delia. Grech għandu s-sapport tal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, tad-Deputat Parlamentari Therese Comodini Cachia u l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut, li t-tlieta li huma kienu interessati li jidħlu fit-tellieqa għal kap tal-PN.

Fl-1 ta’ Awwissu, il-Kunsill Ġenerali ddeċieda favur li ssir elezzjoni għal kap tal-PN. Dan kien it-tielet vot li tilef Adrian Delia wara l-vot tal-Grupp Parlamentari u tal-Kumitat Eżekuttiv.

X’inhi l-ikbar problema li qed jaffaċċja l-pajjiż?

Fl-istħarriġ tal-MISCO, il-parteċipanti ġew mitluba jgħidu x’inhi l-ikbar problema li qed jaffaċċja bħalissa l-pajjiż. 68% semmew il-Covid-19, 15% l-immigranti filwaqt li l-ikbar problema għal 12% hija l-korruzzjoni.