Stħarriġ MISCO: 67% jemmnu fil-ħajja wara l-mewt

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja f'Malta Michael Pace Ross qal li 67% tal-kattoliċi Maltin jemmnu fil-ħajja wara l-mewt.
Huwa kien qed jikkwota stħarriġ tal-MISCO kkummissjonat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta li juri wkoll kif 92% tal-Maltin huma Kattoliċi u li minnhom 74% imorru l-quddies minn tal-inqas darba fix-xahar.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM ippreżentat minn Sylvana Debono, Pace Ross tkellem dwar ir-raġuni għalfejn il-kattoliċi ma jmorrux il-quddies.
Mill-istħarriġ irriżulta li:

  • 20% ma jaqblux mat-tagħlim tal-Knisja jew dak li jippriedka l-qassis
  • 12% minħabba l-għażż
  • 12% minħabba nuqqas ta’ ħin
  • 10% għax mhix relevanti
  • 10% ma jkollhomx aptit
  • 5% minħabba mard
  • 5% peress li jrabbu tfal żgħar

Pace Ross qal li l-Knisja trid tieħu ħsieb lil dawk li diġà jmorru l-quddies u biex tara x’inhi r-raġuni għalfejn oħrajn ma jattendux.
Pace Ross fakkar fi kliem il-Papa Franġisku li qal li wieħed imur il-quddies biex jiffrekwenta aktar is-sagramenti.
Pace Ross qal li l-isħarriġ sar għal fini pastorali u mhux biex il-knisja tikkumplimenta lilha nnifisha.
Dwar kemm jitolbu ta’ spiss in-nies, Pace Ross qal li mill-kattoliċi:

  • Terz jitolbu regolarment kuljum
  • 42% jitolbu kuljum
  • 17% jitolbu imma mhux frekwenti
  • 8% qatt ma jitolbu
  • In-nisa jitolbu aktar mill-irġiel
  • Nies b’edukazzjoni terzjarja huma inqas suxxettibbli li jitolbu