Stħarriġ MISCO: 2 minn kull 5 imorru l-Quddies kull nhar ta’ Ħadd

Tnejn minn kull ħames Maltin jew 40% tal-poplu Malti jipparteċipaw fil-Quddiesa kull nhar ta’ Ħadd.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-MISCO kkummissjonat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta li juri wkoll kif 92% tal-Maltin huma Kattoliċi u li minnhom 74% imorru l-quddies minn tal-inqas darba fix-xahar.     
Id-dettalji tal-istħarriġ ħarġu fi stqarrija mill-Kurja li tgħid li dawn iċ-ċifri kienu kkonfermati miċ-ċensiment li sar bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru li għadda, li wera li l-attendenza għall-quddies kienet ta’ 38%.
L-istqarrija tispjega kif din ir-riċerka saret għall-ewwel darba b’metodi differenti (ċensiment kif ukoll stħarriġ) bil-għan li l-Knisja jkollha stampa wiesgħa u fattwali tas-soċjetà biex tippjana u taqdi b’mod aktar effettiv il-ħidma pastorali tagħha fis-snin li ġejjin.
Iċ-ċensiment tal-attendenza tal-quddies tal-Ħadd sar mid-Discern (l-istitut tal-Knisja għar-riċerka) permezz ta’ formola li mtliet minn kull min attenda l-quddies.
Iċ-ċensiment sar f’total ta’ 987 quddies li jsiru f’Malta kull nhar ta’ Sibt u Ħadd, fi 329 postijiet bejn knejjes, kappelli u postijiet oħra ta’ talb.
L-attendenza kienet ta’ kważi 122,000, jiġifieri 38%, li jfisser medja ta’ 123 persuna għal kull quddiesa.
Iċ-ċensiment ma jinkludix l-attendenza ta’ dawk l-imgħammdin li għandhom inqas minn seba’ snin u ta’ dawk li minħabba mard jew kura fl-isptarijiet ma jistgħux imorru l-Knisja.
75% tal-Kattoliċi jitolbu kuljum
L-istħarriġ bit-telefown, li sar minn Misco International fost kampjun ta’ 1,000 ruħ, sar wara ċ-ċensiment bejn l-4 u t-8 ta’ Diċembru li għadda.
Dan l-istħarriġ kien intenzjonat ukoll sabiex il-Knisja tisma’ lil kulħadd inkluż lil dawk li ma jmorrux quddies. Fost dawk li ma jattendux il-quddies kien hemm min qal li ma jaqbilx mat-tagħlim tal-Knisja jew li ma jsibx ħin biex jattendi l-quddies.
Fost dawk li qalu li huma Kattoliċi, 75% qalu li jitolbu kuljum, 17% jitolbu b’mod regolari u 8% ma jitolbux.
X’se jsir b’dawn ir-riżultati?
Ir-riżultati finali ta’ din ir-riċerka se jiġu analizzati minn kumitat pastorali bil-għajnuna ta’ esperti, li se jitwaqqaf mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Dan il-kumitat, flimkien mal-kappillani tas-70 parroċċa f’Malta, se jissuġġerixxi l-bidliet li hemm bżonn fid-dawl tal-pjan pastorali li qed jitħejja, u jagħraf l-opportunitajiet li jeżistu biex il-Knisja xxandar il-Bxara t-Tajba.
"Irridu niltaqgħu ma' dawk li ma jmorrux Quddies" – Il-Vigarju Ġenerali
Il-Kurja saħqet li l-għan hu li l-Knisja tilħaq aktar nies fil-periferija u tkompli tkun ta’ servizz għan-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, il-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi insista li l-Quddiesa tal-Ħadd għandha tkun ċelebrazzjoni ħajja u li tfisser ħafna għan-nies. Għaldaqstant saħaq li hemm bżonn ta’ aktar ħidma, biex il-Quddiesa tkun esperjenza sabiħa u pożittiva f’kull parroċċa.
Mons. Galea Curmi irrimarka li l-Knisja għandha wkoll tmur tiltaqa’ ma’ dawk li ma jmorrux Quddies.

Ritratt: Kurja – knisja.org/ritratti / Filmat: Ian Noel Pace