Stħarriġ: Grech inaqqas id-distakk ma’ Abela b’5%

Robert Abela Bernard Grech
Ritratti: Miguela Xuereb

Read in English.

Stħarriġ ippubblikat fil-MaltaToday qed jindika li l-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista qed tkompli tħalli effett pożittiv fuq l-elettorat. Tant hu hekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni kiseb l-aħjar riżultat li kiseb Kap tal-PN fl-aħħar 3 snin.

Madankollu, id-distakk bejn iż-żewġ kapijiet fil-fiduċja tan-nies hu 7.4% favur Robert Abela, l-inqas livell mill-2017 ‘l hawn. Abela hu rrappurtat li kiseb 42.1% tal-fiduċja ta’ dawk intervistati li jfisser tnaqqis ta’ kważi ħames perċentwali u jinsab fl-inqas livelli ta’ popolarità mindu laħaq Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, Grech ilu 100 jum Kap tal-Partit Nazzjonalista u kiseb 34.7% tal-fiduċja, kważi 5% iktar mill-aħħar stħarriġ li sar f’Diċembru.

F’termini ta’ voti bejn iż-żewġ partiti, l-istħarriġ jgħid li d-distakk bejn iż-żewġ partiti issa niżel għal 25,609 voti mqabbla 35,280 vot li bih il-Partit Laburista għadda lill-PN fl-elezzjoni tal-2017.

L-istħarriġ sar bejn l-4 u t-8 ta’ Jannar, bil-gazzetta tgħid li l-ottimiżu tal-Prim Ministru kontra l-pożizzjoni iktar kawta ta’ Grech dwar il-pandemija Covid-19, l-interess personali li ħa Abela fil-konfront ta’ Grech fil-kwistjoni tal-ħlas pendenti li dan tal-aħħar kellu mad-dipartiment tal-VAT kif ukoll in-nuqqas ta’ azzjoni fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar minħabba l-involviment tagħha bħala sensara f’negozju propost minn Yorgen Fenech setgħu kienu l-fatturi prinċipali għal dan ir-riżultat.