Stħarriġ għall-Ebola fuq titjiriet lejn Malta mhux dejjem isir

Passiġġieri Maltin li fl-aħħar jiem waslu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jinsabu mħassba dwar il-miżuri tal-Gvern dwar l-Ebola.
Ma’ Newsbook.com.mt, waħda mill-passiġġieri qalet li fl-aħħar jiem waslet Malta minn Franza u l-kwestjonarju li ngħata lill-passiġġieri abbord l-ajruplan, kien bil-Franċiż biss. Talbet spjegazzjoni dwar għalxiex il-kwestjonarju kien b’din il-lingwa biss, meta mhux kull persuna li tgħaddi minn ajruport fi Franza, tifhem il-lingwa Franċiża. Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li fuq xi titjiriet oħra l-kwestjonarji kienu bl-Ingliż ukoll.
Qalet ukoll li sa erba’ sigħat wara li waslet Malta, kienet għadha bil-formula f’idha għax ma kien hemm ħadd min jiġbor il-kwestjonarji, li ngħatawlhom huma u neżlin minn fuq l-ajruplan. Min-naħa l-oħra passiġġiera oħra qalet li l-kwestjonarji nġabru mill-membri tal-ekwipaġġ tal-ajruplan stess, iżda xi wħud lanqas biss imlewhom.
Passiġġiera oħra li kienet ġejja mill-Afrika t’Isfel qalet li fuq l-ajruplan tagħhom ma tqassmu l-ebda kwestjonarji.
Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministeru tas-Saħħa għadhom ma ġewx imwieġba.