Stħarriġ fost il-pazjenti li kellhom kanċer tas-sider fl-2014

Din is-sena se jsir stħarriġ fost il-pazjenti kollha li kellhom kanċer fis-sider is-sena li għaddiet. B’kollox hemm madwar 300 każ.
Waqt lecture organizzat minn Europa Donna Malta s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal li dan l-audit se jsir biex id-Dipartiment tas-Saħħa jkun jista’ jara t-triq ta’ kura li jkollu kull pazjent u jekk hemmx tekniki jew strutturi li jistgħu jitranġaw.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li l-Gvern se jkun qed jaħdem fil-qrib mal-industrija lokali u anke barra l-pajjiż, biex tinħoloq sistema ta’ mediċina ġusta u aċċessibbli għal kulħadd bi prezzijiet raġonevoli.