Stħarriġ: Effett Grech u Covid-19, id-distakk bejn il-partiti jitnaqqas bin-nofs

Robert Abela Bernard Grech
Ritratti: Miguela Xuereb

Read in English.

Stħarriġ ippublikat fil-Maltatoday qed jindika li l-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista ħalliet effett pożittiv fuq l-elettorat tant hu hekk li l-PN kiseb l-aħjar riżultat fit-tielet snin jiġifieri sa minn Ottubru tal-2017.

Madanakollu, id-distakk bejn iż-żewġ partiti xorta huwa rrapurtat li hu ta’ 10%, bil-Partit Laburista rrapurtat li jgawdi appoġġ ta’ 40.3%, l-inqas livell minn Ottubru 2017 u tnaqqis ta’ 7.5% minn Lulju li għadda. Fl-istħarriġ il-Partit Nazzjonalista kiseb 30% u għandu l-inqas distakk mill-PL fit-tielet snin.

F’termini ta’ voti, il-PN naqqas bin-nofs d-distakk bejn iż-żewġ partit f’temp ta’ xahar hekk kif minn 57,000 irreġistrat l-aħħar survey għal distakk ta’ 30,000 vot. Fl-aħħar elezzjoni, il-PL rebaħ lill-PN b’35,280.

Aktar minhekk, il-PN jidher li kiseb lura l-fiduċja ta’ dik il-parti tal-elettorat li vvotatlu fl-aħħar elezzjoni ġenerali, hekk kif skont l-istħarriġ, il-PN reġa’ kiseb il-fiduċja ta’ 72.8% ta’ din il-parti tal-elettorat kontra t-58.8% u 50.6% miksuba fl-aħħar żewġ surveys.

L-istħarriġ jitfa’ l-lenti tiegħu fuq iż-żewġ kapijiet tal-partiti rispettivi. Il-popolarità ta’ Robert Abela niżlet fl-inqas livelli mindu laħaq Prim Ministru b’46.6%. Fl-ewwel stħarriġ tiegħu bħal kap tal-PN, Bernard Grech kiseb 30.9% hekk kif id-distakk bejn iż-żewġ kapijiet huwa fl-inqas livelli ta’ 16%.

Skont il-gazzetta, il-ħatra ta’ Bernard Grech bħal kap tal-PN, l-instabilità ekonomika minħabba l-Covid-19, kif ukoll il-mod kif il-Gvern mexa biex jikkontrolla l-pandemija speċjalment fid-djar tal-anzjani kellu effet kbir fuq ir-riżultati tas-survey.