Steward Health Care ma tħallasx il-ħaddiema għas-sick leave – UĦM

Steward Health Care Malta

Read in English.

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li l-ħaddiema tal-Gvern li jaħdmu fit-tliet sptarijiet mmexxija minn Steward Health Care mhux qed jitħallsu għas-sick leave kollu bi ksur tal-liġi tax-xogħol.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li meta l-impjegati jkunu fuq sick leave għall-erbat ijiem jew aktar qed jitħallsu biss għall-ewwel tlitt ijiem. Żiedu li f’kazijiet ta’ mard fit-tul l-impjegati qed ikollhom tnaqqis fil-paga. Il-UĦM spjegat li huwa saru jafu b’dan mill-ħaddiema li huma membri tal-istess unjin wara li ħadu iktar minn erbat ijiem sick leave u kellhom tnaqqis fil-payslip. L-impjegati li ħadu iktar minn tlitt ijiem sick leave rċevew nota li tgħid li l-benefiċċju tal-mard huwa mnaqqas. Il-Unjin spjegat li skont il-liġi, il-ħaddiema tal-gvern jirċievu l-ħlas tas-sick leave mingħand mingħand min iħaddimhom u huma eliġibbli għal mill-inqas 30 jum sick leave fis-sena. Huma saħqu li Steward Health Care qed tikser id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, speċifikament dwar il-protezzjoni tal-pagi.

Min-naħa tagħha l-UĦM qed tistaqsi x’inhi r-raġuni wara din il-miżura minkejja li Steward Health Care qiegħda tirċievi l-ammont sħiħ tal-pagi tal-impjegati mill-gvern. Il-Unjin talbet lill-Ministeru tas-Saħħa biex iwaqqaf din il-prattika illegali immedjatament u jagħti l-flus li huma dovuti lill-ħaddiema sa tmiem din il-ġimgħa.

F’Settembru li għadda l-UĦM Voice of the Workers sostniet li Steward Healthcare huwa mezz sabiex il-Gvern ikun daħħal il-prekarjat fl-isptarijiet u ma jsegwix il-Ftehim Kollettiv taċ-Ċivil.