Steward tmur il-Qorti biex twaqqaf l-azzjoni industrijali f’Għawdex

Il-kumpanija Steward Health Care Malta rrikorriet għall-Qorti biex twaqqaf l-azzjoni industrijali ordnata mill-unjin tal-infermiera f’Għawdex.

Fi stqarrija Steward qalet li dalgħodu talbet għal prohibitory injunction kontra l-azzjoni tal-MUMN. Steward qalet li l-Qorti laqgħet it-talba tagħha b’mod proviżjorju. Il-każ mistenni jinstema’ dan ix-xahar.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) kienet se tieħu azzjoni industrijali kontra Steward Healthcare peress li l-kumpanija trid timpjega infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex meta hemm infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti fl-isptar t’Għawdex.

Kienu se jinħarġu diversi direttivi fis-swali kollha tal-isptar t’Għawdex u fil-lukanda Downtown fejn qegħdin jinżammu pazjenti anzjani.

Steward qalet li kienet se tingaġġa infermiera barranin. Qalet li l-MUMN kienet taf b’din il-miżura “interim” biex l-infermiera fl-isptar ta’ Għawdex jingħataw l-għajnuna sakemm infermiera Għawdxin f’Malta jistgħu jingħataw il-permess jaħdmu Għawdex.

Steward qalet li għamlitha ċara li dawn l-infermiera barranin mhux se jkunu qed jinterferixxu mat-transfer tal-infermiera Għawdxin.

Steward allegat li l-azzjoni tal-MUMN kienet tfisser li l-kura tal-emerġenza kienet tiġi sospiża f’Għawdex. Il-kumpanija temmen li l-azzjoni tal-unjin ma kinetx qed issir b’mod xieraq.