Steward thedded li tagħlaq sptar fl-Istati Uniti wara diżgwid mal-infermiera

Facebook - Nashoba Valley Medical Center

Read in English.

Il-kumpanija Steward Health Care qed thedded li tgħalaq sptar fl-Istati Uniti wara li qam diżgwid mal-infermiera li jaħdmu fih li jridu pagi aħjar. Steward Health Care hi l-kumpanija privata li qed tmexxi l-isptarijiet ta’ Għawdex, San Luqa, u Karin Grech f’Malta.

L-infermiera ta’ Nashoba Valley Medical Center (NVMC) fetħu kawża mal-uffiċċju tal-relazzjonijiet tax-xogħol tal-Istati Uniti f’Boston kontra s-sid ta’ NVMC li hu Steward Health Care.

Skont il-Massachusetts Nurses Association (MNA), Steward heddet li tagħlaq l-isptar jekk l-infermiera ma jaċċettawx l-offerta finali ta’ Steward b’rabta ma’ kuntratti ġodda. L-infermiera ilhom sena f’negozjati ma’ Steward biex itejbu l-pagi u l-kundizzjonijiet tagħhom.

Skont l-MNA, il-liġi tgħid li huwa llegali li min iħaddem jhedded li jagħlaq faċilità f’theddida kontra l-impjegati li qed jippruvaw jinnegozjaw kuntratt.

L-MNA talbet lil Steward biex turi informazzoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa li jingħalaq l-isptar. Steward irrifjutat li tiżvela l-maġġoranza tal-informazzjoni. L-Istat ta’ Massachusetts ta multa lil Steward talli l-kumpanija rrifjutat milli tipprovdi stqarrijiet finanzjarji audited kif jagħmlu sptarijiet oħra.

Fi stqarrija, kelliema għal NVMC qalet li hemm tħassib dwar l-impatt finanzjarju li jista’ jkolla l-proposta ta’ żieda fil-pagi. Qalet li l-isptar u t-tim tal-infermiera għamlu progress f’kważi kull sessjoni ta’ negozjar.

Il-Kumpanija Steward Health Care, li hija l-operatur tal-isptar ta’ Għawdex, ta’ Karin Grech, u ta’ San Luqa, keċċiet 468 ħaddiem f’Ohio fl-Istati Uniti meta għalqet sptar f’Settembru tal-2018.

Steward – operaturi tal-isptar ta’ Għawdex – tkeċċi 468 f’Ohio

Fl-istess sena, tabib fl-Istati Uniti allega li l-kumpanija Steward Health Care gidbet mal-pazjenti u li poġġiet pressjoni enormi fuq it-tobba.

Steward Health Care gidbet lill-pazjenti; pressjoni enormi fuq it-tobba – rapporti

F’Jannar li għadda l-kumpanija ġiet akkużata li ma ħallsitx aktar minn €8 miljun fi spejjeż b’rabta mal-akkwist tagħha ta’ tmien sptartijiet ta’ Community Health Systems (CHS) fl-Istati Uniti, skont rapport.

Steward akkużata fl-Istati Uniti li ma ħallsitx kollox għal 8 sptarijiet

Fl-2018, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Martin Balzan, qal li l-ftehim tal-Gvern ma’ Vitals Global Healthcare u li issa spiċċa għadda f’idejn il-kumpanija Amerikana Steward Health Care System, mhuwiex fl-interess tal-pazjent u lanqas tat-tobba.

Filmat: “Il-bejgħ tal-isptarijiet mhux fl-aħjar interess tal-pazjent” – Tobba