Steward qed jevalwaw biex imexxu lill-anzjani f’post ieħor

Miguela Xuereb

L-anzjani fir-Residenza Sant’Anna li tinsab biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jimxu għal post ieħor.

Informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt hija li l-anzjani se jiċċaqalqu biex jagħmlu wisa’ għall-pazjenti bil-Covid-19 u se jitpoġġew f’postijiet oħra skont il-kundizzjoni tagħhom. Jidher li wieħed mill-postijiet magħżula hija l-lukanda Downtown li tinsab fir-Rabat, Għawdex u li hija l-lukanda tal-iżviluppartur Għawdxi Joseph Portelli.

Newsbook.com.mt staqsa lill-President ta’ Steward Health Care Malta Dr Nadine Delicata dwar din l-aħbar bit-tweġiba tagħha tkun li l-isptar qed jevalwa l-possibilitajiet kollha.

Messaġġ mibgħut lil Dr Nadine Delicata

Qraba tal-anzjani resident fir-Residenza Sant’Anna li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li għadhom ma jafux fejn se jkunu qrabathom. Spjegaw li l-infermiera għamlu kuntatt magħhom u qalulhom biex jiġbru l-affarijiet tal-anzjani tagħhom peress li se jiġu trasferiti lejn post ieħor li aktarx tkun fil-lukanda Downtown. Qalulhom ukoll li fejn ħa jmorru mhux ħa jkun hemm post fejn jagħmlu l-oġġetti personali li seta’ kellhom l-anzjani fir-Residenza Sant’Anna.

Dalgħodu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jintroduċi hubs ġodda għall-ittestjar tal-iswabs anke f’Għawdex. Dan wara li lbieraħ Newsbook.com.mt żvela kif l-iswabs għall-Covid-19 qed jiġu ttestjati kollha fil-laboratorji f’Malta anke dawk li jkunu ttieħdu mill-pazjenti kemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll fil-komunità.

Intant, sorsi oħrajn innutaw attività fi Triq l-Ewropa hekk kif qiegħdin isiru l-arranġamenti fil-lukanda biex tospita lill-anzjani. Dehru trakkijiet li marru bl-imtieraħ u bl-għamara li hemm bżonn biex il-lukanda tinbidel f’residenza għall-anzjani.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi allega li dan huwa riżultat ieħor tal-korruzzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u VGH, il-kumpanija li magħha kien sari l-kuntratt oriġinali għall-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet f’Malta u f’Għawdex. Huwa ppubblika messaġġ li rċieva li jgħid li bl-arranġament li sar ma’ Steward, il-lukanda se tintuża bħala residenza għall-anzjani għal tul ta’ sena.

Ircevejt issa dan il-messagg:“Hello jason. Nispera li tinsabu lkoll ok. Ghadhom kemm cempluli minn sant’anna (old…

Posted by Jason Azzopardi on Sunday, 22 March 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn