Steward – operaturi tal-isptar ta’ Għawdex – tkeċċi 468 f’Ohio

Google

Il-Kumpanija Steward Health Care, li hija l-operatur tal-isptar ta’ Għawdex, ta’ Karin Grech, u ta’ San Luqa, keċċiet 468 ħaddiem f’Ohio fl-Istati Uniti meta għalqet sptar ilbieraħ.

Skont is-sit Becker’s Hospital Review, Steward kienet ħabbret il-pjanijiet tagħha li se tagħlaq l-isptar f’Awwissu minħabba nuqqas kbir fin-numru ta’ pazjenti.

“Minkejja investiment kontinwu, in-Northside Regional Medical Center jibqa’ mhux utilizzat sal-kapaċità tiegħu – kif kien qed jiġri għal diversi snin” qalet Steward. Il-kumpanija żiedet tgħid li minkejja li sptartijiet oħra kellhom żieda fin-numru ta’ żjarat tal-pazjenti, Northside rat tnaqqis ta’ 71% fuq dawn l-aħħar għaxar snin.

Iħabbru l-ftehim li jixtru lil Vitals

Fi Frar li għadda, Steward Healthcare Systems ħabbru li ffinalizzaw il-ftehim sabiex jixtru lill-Vitals Global Healthcare, biex imexxu s-servizzi tas-saħħa fit-tliet sptarijiet ta’ Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali t’Għawdex.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Martin Balzan, kien qal li l-ftehim tal-Gvern ma’ Vitals Global Healthcare li spiċċa f’idejn Steward Health Care mhuwiex fl-interess tal-pazjent u lanqas tat-tobba.

Madanakollu wara ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM). Il-Ministru għas-Saħħa qal li issa ntlaħaq il-ftehim li fih il-MAM tirrikonoxxi li jista’ jkun hemm imsieħba privati fil-qasam tas-saħħa f’Malta.

L-aħbar li Steward xtrat lill-VGH kienet ġiet żvelata mill-midja fl-20 ta’ Diċembru, u aktar tard kien ikkonfermaha l-Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, li kien qal lil Newsbook.com.mt li t-taħditiet il-VGH u Steward kienu ilhom għaddejjin diversi xhur, qabel ma ġie ffirmat il-ftehim.

Il-unjins kuntenti – Fearne

F’April, il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li l-unjins kollha fil-qasam tas-saħħa laqgħu b’ottimiżmu t-tmexxija tat-tliet sptarijiet minn Steward Healthcare Systems. 

Il-privatizzazzjoni qatlet pazjent – PN

Newsbook.com.mt irrapportali l-ħelikopter li jintuża bħala ambulanza tal-ajru mill-kumpanija Steward Health Care li jmexxu l-isptar ta’ Għawdex ma kienx lest biex jieħu l-pazjent b’attakk ta’ qalb minn Għawdex lejn Malta kif riedu t-tobba. 

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-privatizzazzjoni qatlet pazjent. Ħaddiem fl-Isptar ta’ Għawdex lest jixhed kontra r-riżultat tal-inkjesta maħtura mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar il-każ.

Għawdex bla infermier għad-dijabete – Zammit Dimech

Il-Membru tal- Parlament Ewropew Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-fatt li ma kienx hemm diabetes nurse fl-isptar ta’ Għawdex kien nuqqas serju.

Mhu soċjalist xejn li tipprivatizza l-qasam tas-saħħa – Gomes

Fi Frar, l-Ewroparlamentari Soċjalista Portugiża, Ana Gomes, li mexxiet id-delegazzjoni li żaret Malta f’Diċembru li tal-2017, enfasizzat li mhu soċjalist xejn li tipprivatizza l-qasam tas-saħħa. Gomes kienet qed tirreaġixxi għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar it-tweġiba tal-Gvern għar-rapport li ħejjiet id-delegazzjoni, u li fih niżżlet x’sabet kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha.

Ftehim Sptarijiet: Suċċess jew Fjask?

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi għandhom pożizzjonijiet opposti dwar il-mudell ta’ Private Public Partnership (PPP) adottat fil-bejgħ tal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet. F’filmat fuq Facebook, Konrad Mizzi qal li hu konvint li l-mudell ta’ PPP bħal dak li ntuża fil-każ tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet f’Malta, se jiġi addottat minn pajjiżi oħra madwar l-Ewropa u d-dinja. Madanakollu jidher li l-Ministru għas-Saħħa għandu fehmiet differenti. Waqt programm ta’ Newsline fuq RTK 103FM, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan qal li f’laqgħa li t-tobba kellhom mal-Gvern, Fearne qabel magħhom li l-mudell ta’ PPP użat mal-Vitals falla u li jekk jagħmel PPP ieħor jagħmlu differenti.

Tabib fil-USA jgħid li Steward gidbet

F’Marzu, tabib fl-Istati Uniti allega li l-kumpanija Steward Health Care gidbet mal-pazjenti u li poġġiet pressjoni enormi fuq it-tobba. Rapporti fil-Boston Globe u Becker’s Hospital Review żvelaw li t-tabib fetaħ kawża bħala whistle-blowerkontra l-kumpanija Steward li għandha l-uffiċini ċentrali tagħha f’Boston.