Steward mezz sabiex il-Gvern ikun daħħal il-prekarjat fl-isptarijiet – UĦM

Read in English.

Il-UĦM Voice of the Workers sostniet li Steward Healthcare huwa mezz sabiex il-Gvern ikun daħħal il-prekarjat fl-isptarijiet u ma jsegwix il-Ftehim Kollettiv taċ-Ċivil.

Fi stqarrija, huma fakkru li minn nhar it-Tlieta li għadda, il-professjonisti li jaħdmu fl-isptarijiet ta’ Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ħarġu b’azzjonijiet industrijali. Dan ġara wara li l-Unjin kienet ilha żmien twil tinsisti li ħaddiema bl-istess xogħol fl-istess post għandhom jitħallsu l-istess. 

Huma sqarrew li l-unika mod kif dan iseħħ huwa billi l-Gvern jassorbi l-ħaddiema u l-professjonisti impjegati direttament ma’ Steward Health Care u jħallashom hu. Żiedu li dan speċjalment minħabba li din is-sena Steward Health Care naqset milli tagħti ż-żieda lil dawn il-professjonisti. Meta l-ħaddiema talbu għal-liema raġuni seħħ dan, Steward Health Care wieġbet li dan qed iseħħ minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija.

Il-UĦM tinsab imħassba għaliex filwaqt li Steward Health Care ngħatat aktar minn €50,000 din is-sena mill-Gvern, “għandha l-wiċċ li tuża s-sitwazzjoni tal-COVID-19 sabiex tkompli ddaħħal f’butha dak li hu tal-ħaddiem.”

Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers avżat kemm lill-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll lill-Uffiċju tal-Prim Ministru dwar din is-sitwazzjoni però sal-lum ma ttieħdet l-ebda azzjoni. Skont il-Unjin, il-Gvern irid jieħu d-deċiżjoni li “dan il-vit ta’ korruzzjoni jingħalaq darba għal dejjem.” 

Il-UĦM m’eskludietx illi żżid il-pressjoni fil-ġranet li ġejjin.