Aġġornata: Steward iħabbar li ffinalizza x-xiri tal-VGH

Steward Healthcare Systems ħabbru li ffinalizzaw il-ftehim sabiex jixtru lill-Vitals Global Healthcare, biex mil-lum qed imexxu s-servizzi tas-saħħa fit-tliet sptarijiet ta’ Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali t’Għawdex.
Il-kumpanija globali Amerikana qalet fi stqarrija kmieni dalgħodu li issa se tkun is-sieħeb mal-Gvern Malti fil-qasam tas-saħħa, u kkwotat lill-Prim Ministru Joseph Muscat, li qal li Steward għandu l-istess viżjoni bħall-Gvern għall-futur tal-qasam tas-saħħa, u li s-sehem ta’ Stwerad se jwassal biex is-servizzi f’dawn l-isptarijiet ikunu mill-aqwa fid-dinja li jirċievi l-pazjent.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv u Ċermen ta' Steward, Dr. Ralph de la Torre, sostna li se jinvestu fl-apparat mediku f'dawn l-isptarijiet sabiex iġibuhom "state of the art", biex b'hekk il-maltin u l-Għawdxin jgħixu b'saħħithom.
L-aħbar li Stwerad xtara lill-VGH kienet ġiet żvelata mill-midja fl-20 ta’ Diċembru, u aktar tard kien ikkonfermaha l-Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, li kien qal lil Newsbook.com.mt li t-taħditiet il-VGH u Steward kienu ilhom għaddejjin diversi xhur, qabel ma ġie ffirmat il-ftehim.
Ix-xiri tal-VGH minn Steward seħħ billi tal-aħħar xtara l-maġġoranza tal-ishma fil-VGH, u l-minoranza tagħhom żammha Ashok Rattehalli, li kien investitur fil-VGH.
Dan l-istess Rattehalli kien mar darbtejn m’mandat ta’ inibizzjoni l-Qorti, għax ma kienx ingħata garanzija li l-ishma tiegħu mhux se jiġux affettwati bit-trasferiment.
Madankollu aktar tard kien irtirahom.
Kien hemm bosta kritika dwar il-VGH, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-kumpanija fil-qasam tas-saħħa, u l-fatt li s-sid tagħha kien moħbi wara struttura ta’ kumpanija offshore.
Ilbieraħ, il-Kap tal-PN, Adrian Delia, fetaħ kawża l-Qorti biex il-kuntratt ta’ bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH) li permezz tiegħu nbiegħu tliet sptarijiet jiġi ddikjarat null.
"Se niżguraw li Steward iżomm kelmtu u jilħaq il-livelli mixtieqa" – il-Gvern
Sadanittant, fi stqarrija l-Gvern afferma l-ftehim imħabbar minn Steward, filwaqt li qal li se jiżgura li l-kumpanija Amerikana tilħaq il-livelli mixtieqa fil-qasam tas-saħħa, fost l-oħrajn tipprovdi servizz u sptarijiet ta' kwalità dinjija, u tibni l-Iskola Medika ta' Barts f'Għawdex.
L-istqarrija tal-Gvern ittemm tgħid li dan kollu se jibqa' b'xejn għall-pazjent, filwaqt li d-drittijiet tal-mediċi professjonali f'Malta mhux se jintmissu.