Steward Health Care tiċħad li l-ħaddiema mhux jitħallsu tas-sick leave

Tgħid li dan hu l-każ biss f'Karin Grech, iżda s-sitwazzjoni ilha hekk is-snin

Steward Health Care

Steward Health Care Malta ċaħdet bil-qawwa dak li allegat il-UĦM – Voice of the Workers, fosthom li l-ħaddiema mhux jitħallsu tas-sick leave. Hi kkjarifikat li dan hu l-każ biss fl-Isptar Karin Grech, iżda mhux b’riżultat tal-amministrazzjoni tal-kumpanija, peress li s-sitwazzjoni ilha hekk is-snin.

Skont Steward, id-dikjarazzjonijiet tal-unjin jinkludu diversi ineżattezzi u allegazzjonijiet infondati.

Il-kumpanija li tamministra tliet sptarijiet f’Malta u Għawdex qalet li l-gwida dwar il-mod kif għandu jitħallas il-leave tal-mard fl-Isptar Karin Grech ingħatat mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u din hija prattika antika li ilha stabbilita għal diversi snin. Steward Malta ċċarat li l-maniġment tal-Isptar Karin Grech huwa responsabbli biss għall-kalkolu tas-salarji filwaqt li l-finanzjament jingħata mill-Gvern, mill-kont tiegħu stess.

Żiedet tgħid li wara l-ewwel tlett ijiem ta’ mard, ladarba d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jkun ħallas il-leave tal-mard, kwalunkwe ammont li jifdal fil-kontijiet tas-salarji tal-Isptar Karin Grech jibqa’ tal-Gvern u ma jgħaddix għand Steward Malta. Apparti hekk, Steward qalet li tippreżenta rapporti kull xahar għall-iskrutinju mill-Ministeru tas-Saħħa li għandu viżibbiltà sħiħa tal-proċessi tal-komputazzjoni u tal-ħlas tas-salarji kif ukoll kull dritt li jwettaq eżerċizzji ta’ awditjar fil-konfront ta’ Steward. “Ma hemm l-ebda possibbiltà li Steward iżżomm għaliha nnifisha xi flejjes li l-Gvern ikun ittrasferixxa għall-ħlas tal-pagi tal-impjegati tal-Gvern.”

Għaldaqstant, Steward temmet tgħid li tirriżerva d-dritt li tieħu azzjoni legali fuq dawn l-allegazzjonijiet tal-UĦM.