Steward Health Care jikkonfermaw li swab tests isiru f’laboratorju f’Malta

Aġġornat 07:09 AM

Il-President u Direttur Eżekuttiv ta’ Steward Health Care f’Malta Dr Nadine Delicata kkonfermat li l-iswabs għall-Covid-19 qed jiġu ttestjati kollha fil-laboratorji f’Malta. Hija spjegat li l-proċess tal-iswabbing tħalla f’idejn id-Dipartiment għas-Saħħa Pubblika minħabba l-istrateġija nazzjonali ta’ emerġenza li Steward qed iżżomm miegħu. Ma’ Newsbook.com.mt hija kkonfermat li swabs ittieħdu mill-pazjenti kemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll fil-komunità.

Dalgħodu l-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li lbieraħ saru 233 test u minn dawn instabu disa’ każi ġodda. B’hekk hawn 73 każ ikkonfermati ta’ coronavirus.

Fi stqarrija miktuba minn Dr Delicata hija spjegat li fiċ-ċirkostanzi, pazjenti residenti Għawdex li jkunu pożittivi għall-virus jintbagħtu lejn l-Isptar Mater Dei. Din is-sitwazzjoni mistennija li tinbidel hekk kif il-każijiet se jiżdiedu. Qalet li hemm pjanijiet differenti ta’ kif Steward Health Care qed tipprepara għaż-żieda fil-każijiet fosthom biż-żieda ta’ riżorsi fl-isptarijiet.

Il-kumpanija Steward Health Care qed tieħu €70 miljun fis-sena biex tmexxi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar San Luqa.

10 sodod f’kura intensiva u 100 sodda iżjed f’Għawdex

Dr Delicata qalet li l-Isptar ta’ Għawdex għandu 10 sodod ġodda f’kura intensiva għall-pazjenti li jkollhom bżonn ventilator filwaqt li ġew ippreparati 100 sodda iżjed għall-pazjenti bil-coronavirus.

Fl-isptar Karen Grech, Delicata qalet li tħejjiet ward addizzjonali bi 28 sodda għall-pazjenti bil-Covid-19. Fl-istqarrija ma jissemmex il-miżuri li ttieħdu jew x’riżorsi żdiedu fl-Isptar San Luqa.

Hija qalet ukoll li t-tmexxija ta’ Steward Health Care qed iżżomm kuntatt kontinwu mat-tmexxija tal-isptar Mater Dei biex ikun hemm kooperazzjoni b’latt ta’ esperti u gwida f’sitwazzjoni li mhix ċara. Stqarret li Steward Health Care qed taħdem mill-qrib ukoll mal-Ministeru għal Għawdex biex tassigura li taqdi l-bżonnijiet tal-Għawdxin.

Dan l-artiklu ġie aġġornat biex jindika li l-proċess tal-ittestjar tal-iswabs li jittieħdu mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fil-komunità isir fil-laboratorji f’Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn