Steward akkużata fl-Istati Uniti li ma ħallsitx kollox għal 8 sptarijiet

Il-kumpanija Steward Health Care, li tmexxi 3 sptarijiet pubbliċi f’Malta, qed tiġi akkużata li ma ħallsitx aktar minn €8 miljun fi spejjeż b’rabta mal-akkwist tagħha ta’ tmien sptartijiet ta’ Community Health Systems (CHS) fl-Istati Uniti, skont rapport.

Skont is-sit Becker’s Hospital Review, CHS fetħet kawża l-Qorti kontra Steward talli ma ħalsitx aktar minn $10 miljun. Steward kien xtara l-isptarijiet fi Frar tal-2017.

Steward daħlet f’numru ta’ ftehimiet ma’ CHS dwar diversi servizzi biex l-isptarijiet ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu sakemm isir it-trasferiment tal-pussess tal-isptarijiet.

Steward aċċettat li tieħu ħsieb ċertu kuntratti, inkluż dwar il-kera tal-magni u software. CHS qed tfittex lil Steward għal miljuni ta’ dollari fi spejjeż li baqgħu tħallsux.

CHS qed tallega wkoll li Steward naqset milli tħallas kuntratti oħra, bħal kont tat-telekomunikazzjoni li jiswa aktar minn €1 miljun.

Fis-6 ta’ Diċembru, Steward talbet lill-Qorti biex il-każ jimxi mill-Qorti Statali għal dik Federali.