Stessu bla rtokk…ta’ ġid anke bla donazzjoni

Rappreżentanta tal-Action for Breast Cancer Foundation fl-Universita' ta' Malta qalet ma' Newsbook.com.mt li f'Malta l-inizjattiva ta' stessi bla rtokk li qed jittellgħu fuq in-netwerks soċjali għadha tibda u għaldaqstant huwa diffiċli li wieħed jgħid kemm inġabru donazzjonijiet b'rabta ma' dawn l-istessi.
Madanakollu saħqet li anke jekk wieħed ma jagħtix donazzjoni, bir-ritratt ikun qed joħloq aktar għarfien dwar il-kanċer. Qalet ukoll li dawk kollha li ma jridux jew ma jistgħux jagħtu donazzjoni iżda li xorta jixtiequ jgħinu f’din il-kawża jistgħu jsiru voluntiera ma’ xi organizzazzjoni li taħdem kontra l-kanċer u sostniet li "l-voluntiera huma importanti daqs id-donazzjonijiet."
Sostniet li n-netwerks soċjali huma importanti ħafna, u f’pajjiżi bħal Malta dawn għandhom irwol kbir bħala mezz ta’ komunikazzjoni. Qalet li fl-Ingilterra din il-kampanja tant kienet suċċess li f’temp ta’ inqas minn 48 siegħa inġabru żewġ miljun ewro.
ALIVE Charity Foundation, RIDT u Action Progress Cancer Foundation bħalissa qed jaħdmu fuq proġett ta’ riċerka dwar il-kanċer tas-sider. Il-proġett beda s-sena l-oħra u qed isir fl-Università ta’ Malta. Din is-sena, ALIVE Charity Foundation se jkunu qed jorganizzaw ukoll maratona tar-roti madwar l-Ewropa. Il-flus li jinġabru se jmorru għal dan il-proġett.
Fl-aħħar jiem mhux ftit kienu t-tfajliet li f’dawn l-aħħar jiem tefgħu stessu tagħhom mingħajr irtokk fuq Facebook bħala parti minn din il-kampanja dwar il-kanċer li għaddejja bħalissa f’diversi pajjiżi. Dawk li jitfgħu ritratt fuq xi netwerk soċjali bħal Facebook u Twitter, jagħtu donazzjoni lil xi għaqda li tagħmel riċerka fuq il-kanċer, u jinnominaw ħabiba tagħhom biex tagħmel l-istess.
Fost l-oħrajn f'Malta spikkaw l-istessi bla rtokk ta' Moira Delia u Ira Losco.