Filmat: SterjoTipi jirritornaw b’Urini

Il-band lokali SterjoTipi għadhom kemm ħarġu kanzunetta ġdida bl-isem ta’ Urini li ndaqqet għall-ewwel darba waqt il-103 Road Show.

Din il-kanzunetta għandha ħoss kontemporanju u tifforma parti mil-EP debutt tagħhom “Mostri”. SterjoTipi ilhom għal dawn l-aħħar sentejn fix-xena mużikali, u permess tal-istil uniku tagħhom, irnexxilhom ikabbru l-udjenzi tagħhom b’mod konsiderevoli. 

Il-kanzunetti popolari tagħhom “Int u Jien” u “Mostri” filfatt rawhom aktar minn 170,000 segwaċi fuq YouTube, b'”Int u Jien” waħda min-nominati bħala l-aqwa kanzunetta Maltija tal-2019.

Il-ġdida li qegħdin jippreżentaw issa, ‘Urini’, toffri taħlita ta’ emozzjonijiet, minn tama’ għal nostalġija, sa mħabba bla kundizzjoni: “jekk int sejra ħudni miegħek, għax il-ħajja wisq qasira biex ma nkunx tiegħek”.

Minkejja li l-kanzunetta nkitbet qabel il-pandemija tal-Covid19, tista tiġi applikata għal dan iż-żmien ukoll. Ir-ritornell tal-kanzunetta “Urini d-dawl” huwa filfatt metafora ta’ tama’ u kuraġġ.

“Urini” hija akkumpanjata b’vidjow tal-lirika, magħmul minn Duane Laus, li permezz tiegħu jfakkar ġenerazzjonijiet Maltin ta’ dari. Ir-ritratti li jidhru fil-vidjow jmorru lura sa 60 sena u huma kollha memorji ta’ familji u nies Maltin li għexu fuq dawn il-gżejjer. 

Għal-aktar informazzjoni u aħbarijiet fuq SterjoTipi permezz ta; Facebook  u Instagram, kif ukoll Spotify u YouTube.