M’hemmx problemi fil-provvista tal-ikel – il-Gvern

Aġġornat 10:12 PM

Il-Gvern Malti sostna li f’Malta mhux se jkun hawn problemi serji fil-prevvista tal-ikel. Fi stqarrija l-Gvern spjega li llum iltaqa’ mal-importaturi maġġuri tal-ikel u s-sidien tas-supermarkets ewlenin biex tkun diskussa din il-provvista.

Il-Gvern qal li ġie mgħarraf li s-sitwazzjoni hija waħda tajba u l-istocks tal-ikel huma aktar milli suffiċjenti. Sostna li l-importaturi tal-ikel u s-sidien tas-supermarkets ma jarawx problemi serji la għaż-żmien li ġej u lanqas għall-futur.

Il-Gvern kompla billi ħeġġeġ lill-konsumaturi biex jagħmlu x-xirja tagħhom b’mod normali mingħajr l-ebda bżonn ta’ allarm jew konfużjoni. Sostna li s-supermarkets huma postijiet magħluqa u li fihom m’għandux ikun hemm iffullar. Qal li għalhekk kull konsumatur għandu jagħmel ix-xirja tiegħu waħdu jew iżomm in-numri ta’ persuni li jakkumpanjawh fil-minimu possibbli.

“Stennija ta’ 30 minuta għas-supermarkets”

Diversi persuni qed jgħidu li sabiex jidħlu f’diversi supermarkets qed ikollhom jistennew fit-tul. Oħrajn qalu li l-istennija għal Lidl f’Għawdex hija ta’ 30 minuta.

Jidher li r-raġuni għal dan hija li s-supermarkets qed jillimitaw l-għadd ta’ persuni li jidħlu fil-ħwienet fl-istess ħin. Għal kull persuna li toħroġ qed idaħħlu persuna.

Persuni li marru jagħmlu x-xirja tagħhom qalu li meta daħlu jagħmlu x-xirja l-ħanut ma kienx mimli bin-nies. Spjegaw li din hija x’aktarx miżura preventiva biex il-coronavirus ma jinfirixx.

Intant filmat li wasal għandna juri kjuwijiet twal fil-Pama, bi trolleys mimlijin sa ruħ ommhom u saħansitra tfal jiġru qalb l-ixkafef. Propju llum hija l-ewwel ġurnata fejn l-istudenti mhux qed imorru fl-iskejjel, wara li lbieraħ il-Gvern ħabbar l-għeluq tal-iskejjel.

“Għandkom sehem importanti li l-konsum tagħkom isostni lilu nniffsu”

Intant, l-Għaqda tal-Konsumaturi qalet li l-konsumaturi kollha għandhom sehem importanti biex jassiguraw li l-konsum tagħhom isostni lilu nniffsu. Qalet li jekk dan ma jsirx, il-konsum fil-futur mhux garantit. L-għaqda qalet li f’Jum il-Konsumatur għall-2020, trid tfakkar lill-konsumaturi fis-sehem tagħhom biex jiżguraw li l-konsumaturi ta’ għada jkollhom x’jikkunsmaw.

Il-konsumaturi qed jiġu mħeġġa li jsajru kemm għandhom bżonn u dak li jibqa’ jaraw kif jerġgħu jużawh biex ma jarmux ikel. Qed jiġu mħeġġa wkoll biex fejn jistgħu jkabbru prodotti tal-ikel.

L-għaqda talbet ukoll sabiex il-konsumaturi joqgħodu attenti għal dak li jixtru. Minħabba li llum hawn min għandu ħafna iktar flus minn qabel, hemm tendenza li wieħed jixtri oġġetti li qatt ma juża.

Sibt kju twil u għandek ritratti jew filmati? Ibgħathom fuq info@newsbook.com.mt.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn