Stennija kbira għar-ritorn ta’ Ġiżelle

Ritratt: Paul Mizzi / The Fotografer, Fgura

L-aħbar li s-sensiela tal-2006 Ġiżelle se tkun qed terġa’ tixxandar fuq it-televiżjoni nhar ta’ Sibt mit-18 ta’ April fit-8.30pm fuq One qanqlet ħafna interess forst ħafna Maltin u Għawdxin li sa minn dakinhar li newsbook.com.mt żvela id-data li fiha se tkun qed tixxandar bdew jikkummentaw fil-pożittiv u ħerqana li jsegwu din is-sensiela li rebħet ukoll bosta unuri u li kienet issammar eluf ta’ telespettaturi nhar ta’ Tlieta meta kienet tixxandar oriġinarjament 14-il sena ilu.

B’kitba ta’ Rachel Cachia, Abigail Mallia, Evelyn Saliba La Rosa u Carlos Debattista, Ġiżelle se tkun qed terġa’ tixxandar b’żewġ puntati wara xulxin mit-8.30pm u tiftaħ b’raġel qiegħed f’tarf l-irdum hekk kif iħares il-bogħod fuq l-ibħra hekk kif jiftakar kif żvolġiet ħajtu, inkluż dawk in-nies li ħabb u oħrajn li tilef.

Intant niltaqgħu ma’ Gail li f’ħanut tal-kafè issir taf avukat ambizzjuż u mingħajr ma taf ikun il-bidu ta’ destin li qatt ma kienet qed timmaġina.

Il-kast ta’ din is-sensiela huwa wieħed kbir u naraw fih atturi li llum il-ġurnata huma stabbiliti iżda li f’dak iż-żmien kienu fil-bidu tal-karriera tagħhom. Fost oħrajn se naraw lil Evelyn Saliba La Rosa, Mark Mifsud, Lara Azzopardi, Anthony Ellul, Carlos Farrugia, Sarah-Lee Zammit, Jolene Micallef, Tiziana Calleja, Vince Micallef Pulè, Simone Zammit, Marcelline Galea, Angela Agius, Inez Farrugia, Kristjana Casha, Laurent Coleiro, Rachel Darmanin Demajo u Andrè Penza.