Stennija kbira għall-ikbar velja ta’ talb li qatt saret fil-Vatikan

Il-velja ta’ talb li se ssir għada fi Pjazza San Pietru għall-paċi fis-Sirja, se tkun l-ikbar velja ta’ talb li qatt organizza l-Vatikan fl-aħħar snin.

Il-kelliem tal-Vatikan Patri Federico Lombardi qal li ilu jgħix il-Vatikan għal dawn l-aħħar 23 sena u jiftakar il-velji ta’ talb li kienu jsiru f’Awwissu, imma żgur ma jiftakarx velja ta’ talb daqshekk kbira fi Pjazza San Pietru.

F’laqgħa mal-ġurnalisti, Patri Lombardi ftakar f’velja ta’ talb li kienet saret fl-Italja stess ftit wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru imma “ma kinitx fuq skala daqshekk kbira bħal dik li se ssir għada”.

Waqt l-Anġelus ta’ nhar il-Ħadd li għadda, Papa Franġisku stieden lill-Knisja Kattolika kollha u anke lil dawk in-nies li jħaddnu reliġjonijiet oħra, biex għada tkun ġurnata ta’ sawm u talb u tkun offruta lill-persuni li bħalissa qed ibagħtu minħabba l-kunflitti u l-ġlied.

Il-Ħadd li għadda l-Papa għafas fuq il-punt li fis-Sirja hemm wisq tbatija u qerda u ddeskriva s-sitwazzjoni bħala “martirju”.  

Fis-sebgħa ta’ filgħaxija Papa Franġisku se jibda l-mument ta’ talb li jibqa' għaddej sa nofsillejl. Il-velja ta’ talb se tinkludi wkoll ir-reċtar tar-Rużarju, qari mill-Vanġelu u messaġġ ta’ tama mingħand il-Papa.

Taħt il-kolonni tal-Vatikan se jkun hemm madwar 50 saċerdot disponibbli għas-sagrament tal-qrar. Waqt il-velja, erba’ Gwardji Żvizzeri se jġorru statwa tal-Madonna, li hi l-protettriċi tal-poplu Ruman.

Bħala turija ta’ solidarjetà mad-Djoċesi ta’ Ruma, ħafna djoċesijiet madwar id-dinja fosthom dawk f’Malta u Għawdex mil-lum se jieħdu inizjattivi favur il-paċi. Il-quddiesa tal-lejla se tkun offruta  għall-paċi fis-Sirja, fil-Lvant Nofsani u fid-dinja kollha u wara ssir adorazzjoni għal din l-intenzjoni tal-Papa.

Il-velja ta’ għada se tkun imxandra wkoll fuq Radju RTK u Radju Marija.