Aġġornata: Kważi kollox lest biex Conte jkun il-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Taljan

Jidher li Antonio Conte wasal qrib ħafna li jsir il-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Taljan.
Fadal biss l-uffiċjalità minn naħa tal-Federazione Italiana Gioco Calcio (FIGC), wara li l-kumpanija Puma li hi l-isponsor tat-tim nazzjonal Taljan, lesta li tħallas il-paga ta' Conte bħala kowċ tat-tim nazzjonali.
JIdher li ġie offrut lil Conte kuntratt ta' sentejn bi 3,5 miljun ewro fis-sena u staff personali għal miegħu.
Issa kull ma jonqos biss hi l-firma fuq il-kuntratt sabiex nhar it-Tnejn li ġej issir il-preżentazzjoni uffiċjali.
B'hekk Antonio Conte wara erbatax-il sena, se jerġa’ jkun fit-tim nazzjonali imma f’kariga differenti.
Ta' min jgħid li Conte mhuwiex it-tip kalm bħall-predeċesuri Prandelli u Lippi, imma aktar passjonali u movimentat bħal Trapattoni, li kien idebuttah bħala plejer mal-Juventus.
Minn naħa l-oħra Conte jaf iħaddem moħħu bħalma kien Sacchi, li hu tant jammira bħala eks kowċ tat-tim nazzjonali.