Aġġornata: Il-PM jitlob lil Ministru Mallia jirreżenja u jaħtar Kummissarju tal-Pulizija ġdid

Aġġornata 23:29
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ippublika r-rapport tal-inkjesta li inbdiet ħmistax ilu fuq talba tal-Prim Ministru. Tliet eks-ġudikanti intalbu jinvestigaw il-każ ta' sparatura minn membru tal-Korp tal-Pulizija li kien xufier tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. 

Aġġornata 21:50
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li talab ir-riżenja tal-Ministru tal-Intern Manuel Mallia u li Ray Zammit tneħħa minn Aġent Kummissarju. 
Tħabbar li Michael Cassar se jinħatar Kummissarju tal-Pulizija b'effett minn għada u 
Joseph Bugeja se jinħatar Kap tas-Servizzi Sigrieti minfloku.
Il-Prim Ministru ippublika r-rapport tal-inkjesta li tmexxiet minn tliet eks-ġudikanti dwar l-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia
Il-Prim Ministru qal li f'dan il-każ kien hemm cover-up minn persuni fil-Korp tal-Pulizija li huma qrib ix-xufier Sheehan. Qal li kien hemm "sensiela ta' nuqqasijiet" mill-Aġent Kummissarju Ray Zammit u "iġorr parti kbira min-nuqqas tal-istqarrija tal-Gvern"
Għalhekk neħħih mill-kariga u Michael Cassar se jinħatar bħala Kummissarju tal-Pulizija.
Qal li l-Ministru Mallia naqas fil-każ tal-istqarrija li inħarġet mill-Kelliem tal-Gvern u għalhekk għandu jerfa' r-responsabbiltà u jirreżenja. Dan filwaqt li qed jistenna tweġiba wara li l-Ministru jaqra r-rapport tal-inkjesta.
Il-PM qal li filwaqt li l-Ministru Mallia ma kienx involut fil-każ, kellu dover li jassikura li l-istqarrija tal-Gvern ma jkunx fiha skorrettezzi. Qal li l-bord tal-inkjesta qal li Mallia żbalja li ma ħariġx korrezzjoni mill-ewwel. 

Spjega li Silvio Scerri u KUrt Farrugia ma kienux involuti f'cover-up iżda aġixxew fuq l-informazzjoni li ingħataw.
Preżenti ħdejn il-Prim Ministru kien hemm il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, Kurt Farrugia, li wkoll issemma fil-każ tal-isparatura.
Għada filgħodu mistennija tissejjaħ konferenza tal-aħbarijiet oħra fejn fiha se jitħabbar jekk Manuel Mallia ikunx laqa' t-talba tal-PM biex jirreżenja u dwar min jista' jkun li jieħu postu. 
Il-ġurnalisti ma ngħatawx opportunità jagħmlu mistoqsijiet. Ma tħallewx jieħdu ritratti jew filmati.

Aktar kmieni
Ġurnalisti bħalissa jinsabu f’Kastilja jistennew biex tissejjaħ konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Hu mistenni li l-Prim Ministru jitkellem dwar il-każ tal-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia, b'mod partikolari dwar l-inkjesta li kellha ssir minn tliet eks-ġudikanti.
Għalkemm ma ntbagħtitx stedina mill-Uffiċju tal-Kommunikazzjoni tal-Gvern, il-ġurnalisti inġabru quddiem Kastilja għall-ħabta tas-7.30pm.
Il-Prim Ministru deher dieħel Kastilja għall-ħabta tat-8.30pm.
Għal ħabta tad-9pm, il-Kap tas-Servizzi Sigrieti Michael Cassar deher dieħel Kastilja.
L-isparatura mix-xufier tal-Ministru Mallia seħħet kważi tliet ġimgħat ilu, fid-19 ta' Novembru.