Stennija dwar persuna ġdida suspettata b’involviment fil-każ ta’ Lockerbie

Read in English.

Persuna ġdida ġiet identifikata bħala suspettat fil-każ ta’ Lockerbie, l-isplużjoni li kienet saret waqt titjira tal-Pan Am. L-ajruplan kien sploda fuq il-villaġġ Skoċċiż, splużjoni li qatlet 270 persuna, fil-maġġoranza tagħhom Amerikani. Il-każ kien seħħ bħal-lum fl-1988.

Is-suspettat, identifikat mill-Wall Street Journal bħala Abu Agila Mohammad Masud, huwa uffiċjal tal-intelliġenza Libjan li skont il-Wall Street Journal huwa miżmum fil-kustodja fil-Libja u se jkun estradit lejn l-Istati Uniti biex jgħaddi ġuri.

Fil-passat żewġ operaturi tal-Aġenzija tal-Intelliġenza Libjana – Abdel Basset Ali Al-Megrahi u Lamen Khalifa Fhimah – kienu għaddew proċeduri talli bnew bomba b’timer, ħbewha ġewwa bagalja u li ġiet mgħobbija fuq titjira tal-Air Malta. Il-bagalja eventwalment ġiet trasferita għat-titjira 103 ta’ Pan Am.

Fl-2001, Megrahi kien instab ħati fl-Iskozja tal-involviment tiegħu f’dan il-każ. 

Huwa ġie meħlus fl-2009 għal raġunijiet ta’ rilaxx kompassjonali u rritorna l-Libja minħabba li kellu kanċer terminali. 

 Huwa miet fl-2012.