​Stenniet sakemm fetħet sid il-ħanut biex tisirqilha l-basket

Fil-Qorti nstema’ kif mara ta’ 46 sena stenniet mal-bieb ta’ ħanut sakemm fetħet is-sid biex tkun tista’ tisirqilha l-basket.
Il-mara li toqgħod San Pawl il-Baħar ittellgħet il-Qorti l-Ħamis wara li serqet ammont ta’ sigarretti b’valur ta’ madwar €140. Ftit jiem wara, l-istess mara kienet qed tistenna lil sid il-ħanut għall-ħabta tal-04:30am sakemm jinfetaħ il-ħanut. Hi serqet il-basket tas-sid li allegatament kien fih madwar €3,500 fi flus kontanti.
Fil-Qorti l-mara qalet li kienet lesta li tammetti l-akkużi miġjuba kontriha, però qalet li kien hemm €2,000 u mhux €3,500.
Il-Maġistrat tat ċans lill-akkużata biex tkun tista’ tirritorna l-flus, però wara li għadda l-ħin stipulat, il-flus baqgħu ma tfaċċawx. B’konsegwenza ta’ dan, il-mara ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest. Din ma kienetx l-ewwel darba li l-mara ttellgħet il-Qorti akkużata b’serq.