​“Stenna s’għada biex tara fejn sejjer is-surplus” – Muscat lil Delia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal lill-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex jistenna s’għada biex jara fejn sejjer is-surplus.
Muscat kien qed jitkellem waqt attività politika tal-Partit Laburista f’Ħal Għaxaq li fiha tkellmu wkoll id-deputat Laburista Clayton Bartolo u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.
Muscat semma li wara elezzjoni ġenerali l-poplu Malti huwa mdorri b’baġit li jsawtu. Madanakollu, saħaq li peress li l-Gvern qed jiġġenera surplus,  m’hemmx għaliex jinqatgħu l-pensjonijiet jew li jitkeċċew in-nies mis-settur pubbliku.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru indirizza lil Delia u qal li bis-surplus se jitħallsu d-djun li tħallew minn Gvernijiet preċedenti, li se jiddaħħlu aktar għalliema, tobba u infermiera, u li se tiżdied il-paga minima.
Waqt l-attività Muscat reġa’ rrefera għall-proposti tal-Gvern marbutin mal-IVF u mal-inċentiva proposta li jinġabru fliexken tal-plastik, minn magni speċjali li jagħtu lura ammont ta’ flus. Qal li sa tmiem tal-2019, Malta trid tiġbor mill-inqas 70% tal-fliexken tal-plastik li l-pajjiż jipproduċi.
Muscat tkellem ukoll dwar kif l-ibħra madwar id-dinja qed jimtlew bil-plastik li jispiċċa fil-ħut u fl-aħħar nett fil-bniedem meta dan jieklu.
Muscat spjega li l-pjan li qed jitwettaq mill-Gvern Laburista mhux qed jiġi bbażat fuq deċiżjonijiet politiċi iżda fuq l-ekonomija u skont il-bżonnijiet tal-familji u tan-negozji.
Dwar il-proposti tal-baġit preċedenti, Muscat stqarr li minnhom twettqu madwar 70%. Qal li f’sena normali ma kienx ikun kuntent b’din il-figura. Però, qal li meta tqis li Malta għadha kif kellha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u elezzjoni ġenerali, din il-figura hija waħda pożittiva. 
Ritratt: PL