Stenna sa Jannar – Is-Serbja lil Malta dwar it-tkeċċija ta’ 22 tifel u tifla

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Serbja talab lill-awtoritajiet Maltin sabiex jipposponu l-implementazzjoni tad-deportazzjoni ta’ 22 tifel u tifla lejn is-Serbja. Dan wara li dawn ġew irrifjutati l-permess li jgħixu Malta hekk kif il-ġenituri ma laħħqux il-livell ta’ dħul ta’ paga meħtieġ biex ikunu jistgħu jgħixu u jaħdmu Malta, kif ukoll irabbu lil uliedhom.

Ilbieraħ il-gazzetta The Sunday Times of Malta ppubblikat rapport jgħid li 22 tifel u tifla se jitkeċċew minn Malta peress li l-ġenituri tagħhom ma jaqilgħux €19,000 fis-sena flimkien, kif ukoll  €3,800 żejda għal kull tifel u tifla li jkollhom. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dħul mis-sahra jew xi bonus.

Is-Serbja talbet lill-awtoritajiet Maltin sabiex ma jieħdux deċiżjonijiet finali qabel maż-żewġ pajjiżi jitkellmu waqt laqgħa li diġà kienet skedata fis-27 ta’ Jannar tal-2020.

Il-Ministeru ħareġ dan il-messaġġ għall-awtoritajiet Maltin permezz tal-Ambaxxata Serbjana f’Ruma, li tkopri lil Malta wkoll. Qal li l-pajjiż huwa konxju biż-żieda ta’ lmenti ta’ ċittadini Serbi li qed jgħixu u jaħdmu Malta minħabba l-mod kif qed jiġu trattati l-familji bi tfal żgħar minħabba pagi li ma jlaħħqux mar-rekwiżiti ta’ Identity Malta.

Eluf ta’ persuni ngħaqdu flimkien u ffirmaw petizzjoni onlajn li qed titlob lill-Prim Ministru sabiex ma jiddeportax lit-22 tifel u tifla minn Malta. Fi żmien 24 siegħa, il-petizzjoni mnedija minn Newsbook.com.mt ġiet iffirmata minn 3,198 ruħ. Intant, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li l-liġijiet qegħdin hemm biex jassiguraw li t-tfal ikollhom għajxien diċenti.

‘L-esponiment tat-tfal fuq il-media jista’ jagħmlilhom il-ħsara’

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal enfasizza li l-esponiment tat-tfal fil-mezzi ta’ komunikazzjoni mhux neċessarjament ikun ta’ għajnuna għall-kawża tagħhom u jista’ jagħmlilhom il-ħsara.

Fi stqarrija, l-uffiċċju spjega li ilu numru ta’ snin jgħin persuni minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea biex jaċċessaw id-drittijiet tat-tfal tagħhom inkluż dak li għandu x’jaqsam ma’ reunifikazzjoni ta’ familja u permessi ta’ residenza. Qal li tkellem ukoll mal-Komunità Serba-Maltija fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ reġistrazzjoni u residenza, kif ukoll biex jassisti l-ġenituri u familji jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni, b’mod partikolari.

L-uffiċċju kompla jgħid li għamel kul sforz biex jaqbeż għat-tfal ta’ persuni minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u l-familji tagħhom, skont il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal u numru ta’ liġijiet imsejsa fuq id-drittijiet umani, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda, li Malta rratifikat 29 sena ilu.

Intant qal li l-uffiċċju rċieva numru sostanzjali ta’ talbiet għall-għajnuna u wara ressaq it-tħassib tiegħu lill-awtoritajiet relevanti u rrakkomanda li politki u prattiċi li jaffettwaw lit-tfal għandhom jirriflettu d-drittijiet u l-aħjar interessi tat-tfal.