Stellini u Portelli jappoġġjaw lil Cutajar

Read in English.

L-Eks Deputat Nazzjonalista David Stellini u Maria Portelli, kandidata għall-elezzjoni ġenerali tal-2017, it-tnejn jappoġġjaw lil Dr Kevin Cutajar bħala l-kandidat li għandu jieħu s-siġġu parlamentari vakat mill-istess Stellini.  Min-naħa l-oħra, Ryan Cefai Mercieca, kandidat għall-istess elezzjoni qal li hu ma jeskludi xejn iżda ma xtaqx jikkummenta.

F’post li David Stellini tella’ lbieraħ filgħaxija fuq Facebook, flimkien ma’ ritratt tiegħu flimkien ma’ Kevin Cutajar, stqarr li għaddiet kważi ġimgħa u s-siġġu li battal huwa stess u li jirrappreżenta lill-Għawdxin, għadu vojt. Filwaqt li rrimarka li l-Partit Nazzjonalista għadu b’siġġu nieqes, appella biex dan is-siġġu jimtela għall-benefiċċju tal-Għawdxin.

Min-naħa tagħha, Maria Portelli, saħqet li Dr Cutajar għandu jieħu post Stellini bid-dritt, għax fi kliemha l-elettorat Għawdxi vvutalu biex ikun il-vuċi tiegħu fil-Parlament. Minn naħa l-oħra l-kandidat Ryan Cefai Mercieca stqarr li huwa ma jeskludi xejn meta mistoqsi jkunx interessat f’siġġu vakat minn Stellini. Kemm Cutajar kif ukoll Portelli huma kunsilliera tax-Xagħra u r-Rabat Għawdex rispettivament.

Kemm Portelli kif ukoll Cefai Mercieca kienu żewġ kandidati għall-elezzjoni ġenerali bikrija tal-2017. Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Portelli u Ryan Cefai Mercieca fl-isfond ta’ dak kollu li ġara minn mindu David Stellini rriżenja  minn Membru Parlamentari wara li ma telax fl-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li għadda. Stellini se jkun qed imur lura għax-xogħol li kellu qabel fi Brussell.

“Stennejt li l-Kap ikellimna u mhux insiru nafu mill-mezzi soċjali”

Maria Portelli saħqet ma’ Newsbook.com.mt li hi kienet qed tistenna li ladarba Stellini rriżenja ħabta u sabta, kien ikun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stess li jkellem lill-kandidati li ħarġu fuq it-13-il distrett u li mhux issir taf mill-mezzi tal-midja soċjali b’dak li għaddej.

Irrimarkat li xtaqet tara lil Stellini jistenna qabel ma telaq ħabta u sabta qisu l-mandat tiegħu waqaf f’Ġunju.

“Meta mistoqsija dwar jekk hix interessata li tkun hi fil-Parlament, Portelli saħqet li filwaqt li l-interess hemm ikun, wieħed irid jirrispetta x’ried l-elettorat Għawdxi. Saħqet li hi temmen li Kevin Cutajar għandu jkun il-vuċi tal-Għawdxin u dan huwa bid-dritt. Hi stqarret li ma jkunx sew li tidħol hi fin-nofs jekk  huwa ġab iktar voti minn dak id-distrett u għalhekk se jitla’ bir-rieda tan-nies.

Hi fakkret li l-PN jisħaq fuq il-fatt li persuni b’diżabbilità għandhom jingħataw iċ-ċans. Sostniet li fil-każ ta’ Cutajar, huwa persuna li jistinka ħafna u ddeskrivietu bħala bniedem tal-punt.

‘Qisu meta tagħti rigal f’tieġ’

Portelli qabblet is-sitwazzjoni ta’ Jean Pierre Debono bħal meta hi tmur tieġ. Qalet li din ma tagħtix rigal bil-ħsieb li dawn jisseparaw biex b’hekk tkun tista’ tieħu r-rigal lura. Bl-istess mod, Portelli kkumparat dakinhar li Debono għażel li jċedi s-siġġu tiegħu għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Temmet tgħid li għaldaqstant Debono ma għandux jippretendi r-rigal li ta lura.

‘L-Għawdxin urtati u mweġġgħa ħafna”

Portelli saħqet ma’ Newsbook.com.mt li hemm sens ta’ urtazzjoni u weġgħa kbira fost l-Għawdxin b’dak li ġara u dan qed jidher kemm fuq il-midja soċjali kif ukoll fit-triq.

Aqra: Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

Fakkret li fl-elezzjonijiet li għadhom kif għaddew, Għawdex għamel pass ’il quddiem. Stqarret li dawk fit-tmexxija jridu jifhmu li l-Partit Nazzjonalista għandu jkompli mixi ‘l quddiem u fakkret fl-istorja tiegħu, filwaqt li Għawdex hu l-benniena tal-istess partit.

Tkellmet dwar il-house visits li baqgħet tagħmel minkejja li hi ma telgħetx fil-Parlament. Sostniet li l-Partit Nazzjonalista għadu mhux Oppożizzjoni kreddibli. Saħqet dwar il-bżonn li l-Partit Nazzjonalista jagħti l-ispazju meħtieġ u ċ-ċans liż-żgħażagħ biex jaħdmu għal strateġija tajba.

“Ma neskludi xejn” – Cefai Mercieca

Minn naħa tiegħu, Ryan Cefai Mercieca fil-bidu sostna li ma jixtieqx jikkummenta dwar dak li qed jiġri, filwaqt li stqarr li għadu jrid jifhem sew. Huwa saħaq li mhux se jikkummenta b’rispett lejn il-Partit Nazzjonalista. Fl-istess waqt qal li ma jeskludi xejn.

Cefai Mercieca, fix-xhur li għaddew, kien f’nofs kontroversja hekk kif instab li kkopja madwar 75% paġna tax-xogħol tiegħu meta prova jittrasferixxi l-Masters għall-PhD fl-Università ta’ Malta. Huwa kien irreferut għall-Bord Dixxiplinarju tal-Università (University Assessment Disciplinary Board) li huwa mmexxi mill-Pro-Rettur Joseph Cacciotolo. Il-bord kien iddeċieda li Cefai Mercieca għandu jitkeċċa mill-Università ta’ Malta u jista’ jitħalla jidħol biss wara tliet snin, liema deċiżjoni hi suġġetta għall-approvazzjoni tas-Senat tal-Università. Newsbook.com.mt huwa nfurmat li Cefai Mercieca appella din id-deċiżjoni. Ix-xogħol tiegħu kien iddikjarat null.

X’ġara fl-aħħar jiem?

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista nhar is-Sibt li għadda ħa vot fuq min għandu jieħu post Stellini, bi 42 vot għal Jean Pierre Debono u 40 vot favur Kevin Cutajar. Debono rebaħ il-vot tal-Kumitat. Wara l-laqgħa rriżenja l-President tal-Kumitat Mark Anthony Sammut li ħeġġeġ lil dawk kollha li huma f’karigi ogħla minn tiegħu biex jieħdu responsabbiltà tat-telfa li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fiż-żewġ elezzjonijiet li saru f’Mejju. Iktar tard irriżenja wkoll it-Teżorier tal-PN, David Camilleri.

Aqra: Jivvutaw biex Jean Pierre Debono jieħu post David Stellini fil-Parlament

Minn dakinhar ‘l hawn, Jean Pierre Debono ma ħax il-ġurament tal-ħatra u nforma lill-Partit li mhux se jkun qed jagħmel dan f’ittra mibgħuta lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Minn dakinhar, il-Partit Nazzjonalista għadu b’siġġu vakat fil-Parlament, hekk kif il-parlament xorta tlaqqa’ minn nhar it-Tnejn ‘l hawn.