Stellini jikkunsidra impjieg fi Brussell

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista David Stellini qed jikkunsidra li jerġa’ jirritorna Brussell minħabba l-impjieg li kellu. Dan jista’ jikkonfermah Newsbook.com.mt wara li fil-jiem li għaddew kompla jsegwi rapporti li Stellini se jirriżenja mill-Parlament wara l-elezzjonijiet li saru s-Sibt li għadda.

Meta mistoqsi jgħid meta se tkun il-ġurnata li fiha se jirriżenja, Stellini qal li għadu ma ħax id-deċiżjoni jekk jirriżenjax jew le iżda naqas milli jiċħad dawn l-istess rapporti. Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-ġurnata ta’ bidu ta’ impjieg fi Brussell hija diġà fissa.

Intant, Newsbook.com.mt huwa infurmat li d-deputat Għawdxi se jkun qed jirriżenja mill-Parlament Malti f’Ġunju li ġej biex wara sentejn f’Malta bħala rappreżentant mit-13-il Distrett elettorali jirritorna fi Brussell biex jaħdem fil-Parlament Ewropew.

Wara li kien elett fil-Parlament Malti f’Ġunju 2017, matul is-sajf, Stellini ħadem biex fl-elezzjoni għal Kap Nazzjonalista jiġi elett Chris Said.

Mal-ħatra ta’ Kap ġdid, huwa kien ikkontesta l-irwol ta’ President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN biex sar parti mit-tmexxija tal-Kap il-ġdid Adrian Delia.

Stellini kellu sehem ukoll biex tlaqqa’ l-Amministrattiv fix-xitwa li għaddiet meta l-Kap Nazzjonalista kien qed jiġi attakkat pubblikament wara li ġew żvelati filmati li ttieħdu fid-dar tiegħu.

AQRA: “Ma nkunx kuntent qabel jitlaqqa’ l-Amministrattiv” – Stellini

Stellini kburi b’Josianne Cutajar

David Stellini qal li l-Għawdxin huma kburin b’Josianne Cutajar bħala l-ewwel Membru Parlamentari Ewropew Għawdxija mill-Partit Laburista. Fuq Facebook huwa fisser kif Għawdex għandu bżonnijiet speċjali. Qal ukoll li huwa importanti li bħala Għawdxin jaħdmu b’sens ta’ għaqda biex “Għawdex u l-Għawdxin jimxu ‘l quddiem”. Temm jgħid li m’għandux dubju li se tagħmel ġieħ lil Għawdex.