Stellingwerf arrestat mill-ġdid wara każ ieħor ta’ stupru

Raġel Olandiż li kien ġie akkużat bi stupru f’Malta fl-2013, reġa’ ġie arrestat mill-Pulizija Bulgara wara li tfajla oħra tkellmet u allegat li kien stupraha f’Sofia wkoll f’Ottubru.

Fl-istess żmien li ħarġet din l-akkuża, Johan Stellingwerf kien jinsab arrestat f’daru fil-Bulgarija wara li ġie akkużat li stupra mara ta’ 32 sena f’Sofia fil-Milied. Skont informazzjoni preliminari jidher li l-abbuż sar f’appartament f’binja fl-istess żona li fiha jgħix l-Olandiż.

L-arrest sar fil-15 ta’ Jannar għall-ħabta ta’ nofsinhar fejn ir-raġel deher eskortat mill-Pulizija. Il-Pulizija mbagħad għamlu tfittxijiet fid-dar tiegħu. Iċ-ċittadin Olandiż, li huwa magħruf mal-media bħala “Valium rapist” kien ġie arrestat fis-26 ta’ Diċembru tal-2019. Hu kien stupra mara ta’ 32 sena brutalment fil-Milied u kkawżala ġrieħi serji u qtugħ f’ġisimha. Fit-3 ta’ Jannar il-Qorti ddeċidiet li jitħalla jinżamm arrestat f’daru.

Fl-2007, Stellingwerf intbagħat il-ħabs fin-Netherlands wara żewġ każi ta’ stupru u tliet attentati ta’ stupru. Dan wara li hu kien ġie deportat mill-Brażil meta għamel xi żmien kien maħrub. Fl-2010, is-sentenza tiegħu fil-ħabs tnaqqset għal ħames snin u tmien xhur fil-Qorti tal-Appell hekk kif din il-Qorti qalet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza li hu kien ġiegħel lill-vittmi tiegħu jikkunsmaw il-valju u l-kloroform. Il-Qorti waqqgħetlu wkoll tlieta mill-akkużi fil-konfront tiegħu.

Wara li hu nħeles mill-ħabs, fl-2014 hu beda jiġi suspettat bi stupru f’Malta, Spanja u hemm ċans li anke kellu xi każ fil-Polonja.

X’inhu l-każ f’Malta?

Fl-2013, ir-raġel kien tressaq il-Qorti akkużat li stupra lill-eks-sieħba tiegħu f’Malta fl-2012. Hu kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi u sfida lill-pulizija biex iressqu lill-mara l-Qorti talli tat rapport falz lill-pulizija u gidbet taħt ġurament.

Il-ġurnal Times of Malta kien irrapporta li Stellingwerf kien tressaq f’Ġunju tal-2013 akkużat bi stupru u li ffroda lill-vittma €25,000. Skontu, ladarba t-tfajla kienet talbet lill-pulizija twaqqa’ r-rapport tagħha biex jumejn wara terġa’ tibdel fehmtha juri li l-akkużi ta’ stupru huma “estinti”.