Stella Maris f’Tas-Sliema ssir Parroċċa Arċipretali

Il-parruċċani Slimiżi nfexxew f’ċapċip spontanju waqt quddiesa għall-aħbar sorpriża li l-Knisja Parrokkjali Matriċi ta’ Stella Maris ngħatat it-titlu ta’ Knisja Arċipretali, b’digriet ta’ Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna. Għalhekk, il-kappillan tal-Parroċċa, Mons. Anton Portelli, kiseb it-titlu ta’ arċipriet.

Il-Parroċċa ta’ Stella Maris hija l-eqdem waħda f’Tas-Sliema u fil-madwar. Oriġinarjament, it-territorju tal-Parroċċa kien jagħmel parti mill-Parroċċa ta’ Birkirkara.

L-ewwel Knisja f’Tas-Sliema, iddedikata lill-Verġni Marija, kienet mibnija viċin tal-Forti Tignè, imma sfat imġarrfa fi żmien il-Franċiżi. Tas-Sliema ħadet isimha mit-talb li talbu lill-Madonna s-sajjieda, huma u ħerġin mill-Port ta’ Marsamxett. Fil-fatt huwa l-uniku post f’Malta u Għawdex li l-isem tiegħu huwa marbut mal-Madonna.

F’dawn il-140 sena, mill-Parroċċa Matriċi ta’ Stella Maris, ħarġu l-parroċċi tas-Sacro Cuor, ta’ San Girgor, u ta’ Ġesu Nazzarenu f’Tas-Sliema, kif ukoll tal-Madonna tal-Karmnu fil-Gżira.