Stedina lill-Papa Franġisku biex jindirizza l-Parlament Ewropew

Il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz stieden lill-Papa Franġisku sabiex jindirizza l-Parlament Ewropew. Dan wara laqgħa li dan kellu mal-Papa fil-Vatikan.  Il-Papa Franġisku tkellem dwar il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali kif ukoll dwar titjib fil-perspettivi taż-żgħażagħ kemm dawk fl-Ewropa kif ukoll dawk li mhumiex.

Il-politiku Ġermaniż sostna li f’din l-istess ġurnata 25 sena ilu, il-Papa Ġwanni Pawlu II ndirizza l-Assemblea tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Għaldaqstant f’isem il-Parlament Ewropew, Martin Schulz għamel stedina oħra lill-Papa Franġisku biex imur u jindirizza lill-membri parlamentari fil-Parlament Ewropew.

Il-kelliem tal-Papa, Father Federico Lombardi qal li d-diskors li sar fil-Vatikan mill-Papa kien iffukat fuq it-temi tal-faqar, tal-immigrazzjoni u fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ.