Pompa tal-Petrol fl-Iklin; Il-Kunsill Lokali joġġezzjona

Il-Kunsill Lokali tal-Iklin huwa preokkupat dwar proposta għall-kostruzzjoni ta’ pompa tal-petrol f’żona barra mill-iżvilupp (ODŻ), fiż-żona rurali tal-Iklin.
Dan qalu fi stqarrija s-Sindku tal-Iklin, Anthony Dalli, fejn sostna li m’hemm l-ebda raġuni leġittima li l-pompa tal-petrol għandha ssir f’dan is-sit.
Semma kif il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) tal-2015 jispjega fid-dettall kif għandha tintuża l-art, bil-għan li tintuża b’mod sostenibbli u jissalvagwardja żoni rurali, fejn it-teħid tal-art għandu jkun ikkunsidrat biss bħala l-aħħar rimedju u jekk hu verament essenzjali.
Dalli rrefera wkoll għall-Politika dwar il-Pompi tal-Petrol tal-2015 li tidentifika postijiet preferuti għall-pompa tal-petrol, liema postijiet ma jinkludux din iż-żona proposta fl-Iklin. Għaldaqstant sostna li l-applikant m’għamilx eżerċizzju dwar l-għażla tas-sit skont il-pjan strateġiku għall-ambejnt u l-iżvilupp.
Il-Kunsill Lokali jinsab preokkupat dwar l-impatti negattivi li jista’ jħalli dan il-proġett fuq l-ilma tal-pjan, hekk kif iż-żona hija waħda protetta ta’ importanza idroloġika u għaldaqstant, skont il-Politika dwar il-Pompi tal-Petrol, pompa tat-tip ma tistax tkun f’distanza ta’ 300m mill-Ilma tal-Pjan.
Il-Kunsill Lokali qal ukoll li l-istess Politika tisħaq li stazzjon tat-tip m’għandux isir f’distanza ta’ 500m minn stazzjon tal-fjuwil eżistenti u għaldaqstant fakkar li teżisti pompa f’distanza qasira fi Triq tal-Balal, li tinsab 297 metru ’l bogħod minn dan is-sit in kwistjoni.
Filwaqt li oġġezzjona bil-qawwa l-applikazzjoni għall-permess, is-Sindku, f’isem il-Kunsill Lokali, qal li se jibqa’ jsegwi l-każ u “juża l-mezzi kollha li tipprovdilu l-liġi biex din l-art agrikola f’żona barra mill-Iżvilupp tibqa’ bla mittiefsa”.
Ritratt: Google Street View