Statwa ta’ Don Bosco f’Turin tfakkar żewġ saċerdoti Għawdxin

F’Nichelino, fil-provinċja ta’ Turin – il-belt ta’ Don Bosco, ġiet inawgurata statwa kommemorattiva tal-bronż f’ġieh Don Bosco u b’tifkira tas-saċerdoti Għawdxin Dun Joe Galea li miet fl-2007 u Dun Joshua Muscat li miet fl-2009.
Il-moħħ wara dan il-monument kien il-Kumitat Ħbieb Għawdxin b’tifkira ta’ Dun Joe u Dun Joshua, żewġ saċerdoti li ħadmu f’dik il-komunità tal-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa u l-Oratorju tagħha.
Dun Joe, mill-Fontana, qatta’ l-ministeru saċerdotali kollu tiegħu ta’ iktar minn 30 sena f’Turin, fejn fost l-oħrajn bena mix-xejn skola sportiva għaż-żgħażagħ. Tmien snin ilu nħakem minn marda kiefra li temmitlu ħajtu.  Ftit xhur wara l-mewt ta’ Dun Joe, tela’ jkompli warajh Dun Joshua, saċerdot żagħżugħ min-Nadur mimli entużjażmu, imma f’inqas minn sena mill-ordinazzjoni, il-marda tal-kanċer ħatfitu minn fost iż-żgħażagħ li tant ħabbewh. 
Għaż-żgħażagħ tal-lokal, iż-żewġ saċerdoti kienu “Don Bosco ieħor” miexi fosthom.
Il-Kumitat fada l-proġett f’idejn l-artist Għawdxi John Grima biex joħloq skultura li tirrappreżenta din il-ġrajja. 
Grima għażel li joħloq xbieha ta’ Don Bosco f’armonija mat-tfal u ż-żgħażagħ, maħduma fl-istil tal-artist f’idjoma moderna u kontemporanja, biex turi kif l-ispirtu ta’ Don Bosco ma ntemmx ma’ mewtu imma għadu ħaj sal-lum, meta qed niċċelebraw 200 sena minn twelidu. 
L-iskultura oriġinali tlestiet ftit tas-snin ilu, waqt li x-xogħol fil-bronż sar is-sena l-oħra minn Joseph Chetcuti.