Statwa ġdida ta’ San Ġorġ Preca għas-Swatar

Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Preca fis-Swatar se tistagħna bi statwa ġdida tal-Patrun nhar is-Sibt li ġej.

Fil-5.30pm l-istatwa ta’ San Ġorġ Preca tinkixef u tintwera għall-ewwel darba fi Pjazza l-Eroj, ħdejn il-MUSEUM tal-Bniet. Wara jibda korteo bl-istatwa.

Fis-7.15pm se jkun hemm mument ta’ Adorazzjoni Ewkaristika fil-parkeġġ tal-knisja, b’riflessjonijiet mit-tagħlim ta’ San Ġorġ Preca. Janimaw l-adorazzjoni, u wara s-serata, il-band Footprints flimkien ma’ Andrew Cauchi.

Wara jkun hemm ikel u xorb għall-familja kollha u ħin sabiex jiġi apprezzat ix-xogħol artistiku tal-istatwa maħduma fl-injam mill-artisti Kav. Alfred u ibnu Aaron Camilleri Cauchi. Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca se tattendi.

L-għada, il-Ħadd fis-6.30pm se ssir konċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna li fiha jpoġġi l-Bambin għall-ewwel darba f’idejn San Ġorġ Preca u jbierek l-istatwa.

L-istatwa tfakkar l-ewwel purċissjoni tal-Bambin li saret fl-24 ta’ Diċembru tal-1921, minn San Ġorġ Preca. L-istatwa ġiet magħmula b’tali mod li San Ġorġ se jkun qed iżomm f’idu kopja tal-bambin li kien juża dak iż-żmien stess.