Statut għad-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja

Min-nhar il-Ħadd li għadda daħal fis-seħħ statut ġdid għad-Dikasteru tal-Lajċi , il-Familja u l-Ħajja li l-Papa Franġisku kien iffirma fl-10 ta’ April.
Dan id-Dikasteru se jkollu kompetenza fl-affarijiet pertinenti għas-Santa Sede li għandhom x’jaqsmu mal-promozzjoni tal-ħajja u l-appostolat tal-lajċi, il-kura pastorali taż-żgħar, il-familja u l-missjoni tagħha skont il-pjan ta’ Alla għall-protezzjoni tal-ħajja umana.
L-Istatut jispjega b’mod dettaljat ħafna l-kompetenzi ta’ dan id-Dikasteru li se jkun immexxi minn Prefett li jkollu Segretarju li jista’ jkun lajk, żewġ sottosegretarji lajċi u numru ta’ uffiċjali, kemm saċerdoti u lajċi magħżula minn reġjuni differenti tad-dinja.
Għandu jorganizza konferenzi internazzjonli u jieħu inizjattivi oħra marbuta mal-appostolat tal-lajċi, iż-żgħażagħ, l-istituzzjoni taż-żwieġ u r-realtajiet tal-familja u l-ħajja fil-Knisja. Jiżgura l-parteċipazzjoni tal-lajċi fit-tagħlim kataketiku, fil-ħajja liturġika u sagramentali, f’attivitajiet missjunarji, f’opri tal-ħniena, karità u promozzjoni umana u soċjali u jgħin u jinkoraġixxi preżenza attiva fil-parroċċa u l-ħajja djoċesana u fl-organi tat-tmexxija tal-Knisja.
Għandu jappoġġja l-inizjattivi tal-Papa fil-qasam taż-żgħażagħ u jkun għas-servizz tal-Konferenzi Episkopali, ta’ movimenti u assoċjazzjonijiet internazzjonali taż-żgħażagħ fl-organizzazzjoni ta’ laqgħat fuq livell internazzjonali fosthom il-preparazzjoni għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Fid-dawl tal-Maġisteru Papali, id-Dikasteru għandu jippromwovi l-kura pastorali tal-familja, jipproteġi d-dinjità u l-ġid tal-familja bażati fuq is-sagrament taż-żwieġ u jġib 'il quddiem id-drittjiet u r-responsabbiltajiet tal-familja fil-Knisja u s-soċjetà ċivili.
Joffri linji gwida għal koppji għarajjes li qed jippreparaw għaż-żwieġ u għal koppji żgħażagħ miżżewġa u jesprimi l-kura pastorali tal-Knisja f’dawk li huma sitwazzjonijiet “irregolari”.
Joffri wkoll linji gwida għal programmi pastorali fil-formazzjoni taż-żgħażagħ għall-ħajja fil-Knisja u l-ħajja ċivili b’attenzjoni partikolari għall-foqra u l-emarġinati u għal djalogu interġenerazzjonali. Għandu jinkoraġixxi wkoll lill-familji għall-adozzjoni u l-fostering tat-tfal u għall-kura tal-anzjani billi jkun preżenti f’istituzzjonijiet ċivili biex jappoġġja dawn il-prattiċi.
Għandu jappoġġja u jikkoordina l-inizjattivi  favur prokreazzjoni responsabbli kif ukoll għall-protezzjoni tal-ħajja umana mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha filwaqt li jżomm f’moħħu l-ħtiġijiet tal-persuni fid-diversi stadji tal-evoluzzjoni.
Jippromwovi u jinkoraġixxi organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jgħinu lin-nisa u l-familji jilqgħu r-rigal tal-ħajja, speċjalment f’każi ta’ tqala diffiċli u jżommuhom il-bogħod mill-abort u jfasslu programmi biex jgħinu n-nisa li jagħmlu abort.