Stationary f’Ħaż-Żebbuġ jinsteraq darbtejn f’24 siegħa

Il-pulizija qed tinvestiga serqa li seħħet ftit wara nofsinhar minn stationary fi Triq l-Infetti, f'Ħaż-Żebbuġ. 

Newsbook.com.mt huwa infurmat li din kienet it-tieni darba f'24 siegħa li insterqu oġġetti mill-ħanut Centre Point. Fis-serqa tal-lum insterqu madwar €3,000 f'materjal. 

Illum, is-sid tal-ħanut rat raġel jgħabbi l-kaxex ġo vann. Ħija żammet kalma u kompliet titkellem miegħu, u x'ħin staqsietu x'kien qed jagħmel, weġibha li kien qed ifittex persuna oħra. 

Qaltlu li kienet se tfittex fejn dan jista' jkun u marret fuq wara tal-ħanut u talbet għall-għajnuna.

Il-ħalliel ħarab minn fuq il-post b'vann station wagon griż.

Madanakollu, minkejja li l-pulizija waslet fi ftit minuti, ir-raġel kien laħaq telaq. 

L-ewwel serqa seħħet ilbieraħ għal ħabta ta’ bejn il-11 am u s-1 pm meta is-sidien tal-ħanut, raġel ta’ 51 sena u l-mara tiegħu ta’ 49 sena, li joqogħdu n-Naxxar, sabu ċ-ċilindru tas-sellatura maqlugħ u mijiet f’ġugarelli neqsin.