Stati Uniti: Joqtluh biex jisirqulu t-tablet

Tfajjel ta’ 15-il sena inqatel f’Las Vegas minn żewġ ġuvintur  għax riedu jieħdulu t-tablet li tah missieru ftit tax-xhur ilu. 

Il-qtil ġara nhar il-Ħamis li għadda imma l-pulizija għarrfet lill-mezzi tax-xandir bil-każ wara li arrestat lil Jacob Dismont ta’ 18-il sena u lil Michael Solid ta’ 21 sena.

Il-vittma, Marcos Arenas, kien qed jimxi waħdu fit-triq meta waqfet għall-għarrieda maġenbu l-karozza li kienu fiha ż-żewġ ġuvintur. 

Jacob Dismont niżel mill-karozza biex jisraqlu t-tablet minn idejh imma Marcos baqa’ iggranfat miegħu.  Kien dak il-ħin li Dismont daħal fil-karozza, iggranfa lil Marcos u beda jkaxkru diversi metri minn ġol-karozza. 

Meta t-tfajjel kien mal-art, il-ġuvni l-ieħor Michael Solid, li kien qed isuq, għadda minn fuqu bil-karozza u ħadulu t-tablet.

Missier il-vittma, Ivan Arenas qal li qatt ma immaġina li tablet li xtara lill-ibnu f’għeluq sninu, kien il-kaġun tal-mewt tiegħu. 

Marcos Arenas miet ftit wara l-isptar minħabba l-ġrieħi gravi li ġarrab.  Iż-żewġ ġuvintur ittieħdu fil-ħabs ta’ Clark County akkużati bi qtil u b’serq wara li ġew identifikati minn kameras tas-sigurtà li kien hemm imwaħħla fil-post tar-reat.