Stati Uniti: Is-sanzjonijiet fuq il-Korea ta’ Fuq ser jibqgħu sakemm tneħħi l-armi nukleari kollha

Is‑Segretarju tal‑Istat Amerikan, Mike Pompeo qal li l‑Korea ta’ Fuq ser tibqa’ bis‑sanzjonijiet sakemm turi “denuklerizzazzjoni sħiħa”.

Waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑belt ta’ Seoul flimkien mal‑kontropartijiet tiegħu mill‑Korea ta’ Isfel u l‑Ġappun, Pompeo saħaq li Pyongyang huwa kommess li jwaqqaf il‑programm nukleari tiegħu.

Din il‑konferenza saret ftit jiem wara s‑summit, li qed jitqies storiku, bejn il‑President tal‑Istati Uniti Donald Trump u l‑mexxej tal‑Korea ta’ Fuq Kim Jong‑un f’Singapore.

Pompeo ddeskriva s-summit bħala “punt ta’ bidla u tluq” f’dak li għandu x’jaqsam mar‑relazzjonijiet bejn iż‑żewġ pajjiżi hekk kif iffirmaw ftehim li jgħid li għandu jkun hemm relazzjoni ġdida bejn l‑Istati Uniti u l‑Korea ta’ Fuq, u li dan tal‑aħħar se jneħħi l‑armi nukleari kollha mill‑penisula Koreana.

Dan il‑ftehim ġab miegħu bosta mistoqsijiet, bl‑osservaturi jgħidu li ma hemmx dettalji li jispjegaw kif il‑Korea ta’ Fuq ser tneħħi l‑armi nukleari kollha tagħha u kif ser jiġi vverifikat dan il‑proċess ta’ denuklerizzazzjoni.