Stati Uniti: Ġenituri akkużati li ħadu tarbija ta’ 6 xhur tiskija fuq l-ilma

Uħud iħarsu lejn din it-tarbija tiskija titbissem waqt li tiskija fuq l-ilma u jiggustawh u jammiraw l-azzjoni inkredibbli tagħha. Pero mhux kulħadd jaħsibha l-istess hekk kif il-ġenituri ta’ din it-tarbija sfaw ikkritikati u akkużti li poġġew il-ħajja tat-tarbija f’periklu u kien hemm min saħansitra akkużahom b’abbuż.

Biex jiċċelebra għeluq sitt xhur, il-ġenituri taċ-ċkejken Rich Casey Humperys kisru l-rekord dinji għall-iżgħar persuna li qatt skijat fuq l-ilma.

Il-filmat li ttella’ fuq Instagram, li juri liċ-ċkejken Rick liebes ġakketta tas-salvataġġ u jitbissem waqt li jiskija bilmod fuq l-ilma tax-xmara Powell f’Utah, fl-Istati Uniti, kellu diversi reazzjonijiet. Ħafna persuni li kkummentaw iggustaw lit-tarbija ċkejkna li dehret tieħu gost, madanakollu l-ġenituri ta’ Rich – Casey u Minid Humpherys, ġew ikkritikati minn bosta għal dak li qed jissejjaħ bħala falliment talli ma tawx prijorità s-saħħa u sigurtà ta’ binhom.

Uħud qalu li għalkemm tidher li hi familja avventuruża, it-tarbija ma kellhiex titħalla tiskija. Oħrajn irrimarkaw li ħafna affarijiet setgħu marru ħażin, filwaqt li kien hemm min saħaq li din kienet azzjoni perikoluża u stupida.

Oħrajn iddefendew lill-ġenituri u qalu li min jikkritikahom jagħmel dan għax ma jistax jirrelata magħhom hekk kif probabli wliedhom iqattgħu ġurnata sħieħa ġewwa jilgħabu fuq il-kompjuter jew playstation.

Il-ġenituri ta’ Rich ħolqu profil fuq Instagram biex itellgħu filmati u ritratti tad-diversi avventuri li jagħmlu flimkien bħala familja, għalkemm wieħed jiddubita kemm iċ-ċkejken Rich se jirnexxielu jiftakarhom la jikber. S’issa skont ir-ritratti u filmati li ttellgħu fuq il-profil jidher li Rich rikeb fuq fekruna, ltaqa’ maż-żwiemel, għamel ġurnata fuq dgħajsa u qed jesplora l-parks statali fl-Amerka.

Il-ġenituri ta’ Rich qalu li binhom jieħu gost jiprattika l-isport u li għall-età tenera tiegħu huwa tarbija avvanzata ħafna hekk kif jipprattika l-iskijar fuq l-ilma mal-ġenituri tiegħu fl-intrata tad-dar tagħhom. Ommu qalet Rich beda jitla’ bilwieqfa meta kellu biss tlett xhur u ftit wara beda jitla’ fuq l-għamara waħdu.