Stati Uniti: Ethan jinħeles imma jmut l-aggressur

Wara sebat ijiem miżmum ostaġġ, it-tifel Ethan minn Alabama inħeles grazzi għal intervent tal-FBI. Iċ-ċkejken Ethan kien fuq fomm kulħadd wara li Jimmy Lee Dykes, ta’ 65 sena ħataf lit-tifel u niżlu f’bunker taħt l-art.

Wara li l-FBI qattgħet ġimgħa tipprova tinnegozja mal-agressur u ma ntlaħaq l-ebda ftehim, l-aġenti tal-FBI daħlu bil-forza fil-bunker, sparaw u qatlu lil Dykes.

Filfatt, nies li kienu fil-viċinanzi qalu li semgħu splużjoni u ftit wara tiri t’arma tan-nar. Ethan, li ftit jiem oħra se jagħlaq sitt snin, ittieħed l-isptar għal testijiet mediċi, imma skont dak li qal rappreżentant tal-FBI, Ethan jinsab qawwi u sħiħ.