Stat ta’ emerġenza estiż fl-Italja, Lockdown f’Madrid u tħassib fi Franza

REUTERS/Charles Platiau

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte nhar il-Ħamis qal li l-gvern tiegħu jrid li jestendi l-istat ta’ emerġenza minħabba l-COVID-19 sal-aħħar ta’ Jannar.

Il-qagħda fl-Italja tibqa’ waħda ta’ riskju.  Ir-rata ta’ kuljum ta’ infezzjonijiet ta’ CoVid-19 fl-Italja telgħet għal 2,548 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa nhar il-Ħamis, l-ogħla f’dawn l-aħħar 5 xhur, skont dikjarazzjoni tal-ministeru tas-saħħa. L-għadd totali ta’ persuni infettati, inkluż dawk li fiequ u pazjenti attwali, tela’ għal 317,409, filwaqt li għadd ta’ kuljum ta’ mwiet ukoll tela’, wara li 24 persuna tilfu ħajjithom il-Ħamis imqabbla ma’ 16-il persuna l-Erbgħa. L-għadd totali ta’ mwiet issa tela’ għal 35,918 persuna.

Conte qal li l-parlament u jitlob li l-istat ta’ emerġenza jiġi estiż sal-31 ta’ Jannar,” qal Conte matul żjara li għamel fl-iskola medja ‘Francesco Gesuè’ li tinsab f’San Felice a Cancello, fil-provinċja ta’ Caserta fin-nofsinhar tal-pajjiż.

L-istat ta’ emerġenza attwali suppost se jispiċċa fil-15 ta’ Ottubru. Imma ż-żieda reċenti fil-firxa tal-coronavirus wasslet biex il-grupp ta’ esperti CTS jissuġġerixxu estensjoni fir-rispons tal-gvern għall-pandemija, skont sorsi uffiċjali.

Ir-Repubblika Ċeka rreġistrat l-ogħla numru ta’ każi ta’ Coronavirus minn mindu feġġet il-pamdemija. Informazzjoni rilaxxata mill-Ministeru tas-Saħħa tindika li kien hemm 3,493 każ ta’ Coronavirus fl-24 siegħa preċedenti.  B’kollox kien hemm 74,255 każ minn mindu kien reġistrat l-ewwel każ. 

Fil-Ġermanja kienu reġistrati 2,673 każ ġdid biex it-total ta’ każijiet ta’ Coronavirus jkun ta’ 294,395.

Sadanittant żdied it-tħassib dwar il-każijiet f’Pariġi, fejn il-kapitali Franċiża qed issir l-epiċentru tal-problema fil-kontinent Ewropew. 

Il-kapitali Spanjonla Madrid qed tipprepara biex tidħol f’lockdown fil-jiem li ġejjin. Dan ikun ifisser li l-ewwel kapitali Ewropeja ser tirritorna għas-sitwazzjoni ta’ lockdown, xi ħaġa li għadd ta’ gvernijiet lokali u reġjonali qed jirreżistu. 

Ċifri impressjonanti huma reġistrati fl-Indja hekk kif it-total ta’ każijiet ta’ 6.39 miljun. F’dawn l-aħħar 24 siegħa kien hemm 81,484 infezzjoni ġdida. L-ammont ta’ mwiet fl-aħħar 24 siegħa kien 1,095. Fl-Indja it-total ta’ mwiet ta’ 99,773.