Start-up fi proċess li jsib x’tip ta’ Covid-19 hawn f’Malta

The BioArte scientific director Manuele Biazzo

The Bio Arte Limited, start-up lokali li topera mill-Life Sciences Park f’San Ġwann, qiegħda taħdem biex tissekwenzja r-razza Maltija tal-COVID-19 (SARS CoV-2), bil-kollaborazzjoni tal- Medical Laboratory Services għand Saint James Hospital, u qiegħda tistenna li tippubblika r-riżultati internazzjonalment sa l-aħħar tax-xahar.

Il-kumpanija, li twaqqfet f’Lulju li għadda, qed tikkollabora mal-ikbar sptar pedjatriku fl-Italja biex tistudja il-kompożizzjoni mikrobjali tal-passaġġi tal-imnieħer tat-tfal, li huma differenti mill-adulti u l-anzjani.

Skont Dr Manuele Biazzo, Direttur Xjentifiku ta’ The Bio Arte Ltd, il-kumpanija bħalissa qiegħda tissekwenzja l-ġenoma tal-Coronavirus permezz ta’ mijiet ta’ eluf ta’ investiment f’tagħmir sofistikat ħafna, affarijiet li jiġu kkonsmati, reaġenti u software tal-IT.

“Malli nkunu sekwenzjajna din il-ġenoma, inkunu nistgħu inqabbluha ma’ razez internazzjonali tal-virus u naraw jekk hija identika, bħalhom jew differenti u nkunu qed nagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kif ir-razza lokali għandha tiġi ttrattata,” hu qal.

Spjega li l-intenzjoni hi li tiġi identifikata t-tarka li tipproteġi t-tfal u jekk tistax tiġi replikata fis-sezzjoni tal-adulti u l-anzjani, billi jħaffef il-proċess marbut ma’ terapiji fil-ġejjieni bbażati fuq l-analiżi tal-korrelazzjoni bejn il-profili tal-mikrobijoma pedjatrika u COVID-19.

Għal dan il-proġett partikolari, il-kumpanija qiegħda taħdem ma’ Dr Elfath Elnifro, Dr Tessabella Sultana u s-Sur Paul Sultana, Kap Eżekuttiv ta’ Medical Laboratory Services għand Saint James Hospital, li tathom il-kampjuni tal-RNA tar-razza lokali ta’ COVID-19.