“Staqsi lill-Onorevoli Refalo kellux il-ħelikopter!” – Chris Said

Id-deputat għall-Partit Nazzjonalista Chris Said talab lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana biex issaqsi lill-eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo jekk kellux jistenna sigħat biex itir lejn Malta mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huwa kien qed jirreferi għal kliem li qalet hi stess, li hemm ħelikopter stand-by. Said saħaq li Caruana għandha ssaqsi l-kollega tagħha dwar dan.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Caruana ċaħdet li fuq Facebook kitbet li l-ambulanza tal-ajru kienet “standby” jiġifieri li l-ħelikopter kien lest għall-pazjent iżda l-post tagħha fuq Facebook jixhed mod ieħor.

Said kien qed jitkellem f’attività tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu fejn tnedew l-attivitajiet tal-festi tal-Indipedenza. Huwa tkellem dwar pazjent li spiċċa tilef ħajtu minħabba li l-ħelikopter ta’ Għawdex ma kienx l-isptar meta dan kellu jtir lejn Malta. Huwa sostna li bħalissa għaddejja witchhunt filwaqt li qed ifittxu min għadda l-informazzjoni lid-deputat Nazzjonalista. Said spjega kif il-pazjent iddaħħal l-isptar fl-10am u kien preparat biex itir lejn Malta. Huwa ġie Malta biss seba’ sigħat wara għaliex ma kienx hemm il-ħelikopter. Said qal li fil-5pm il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mar jieħu r-ritratti mal-ħelikopter liema ritratti mbgħad ġew impoġġiha fuq Facebook mill-Ministru stess. Said saħaq li l-informazzjoni ġiet mil-Laburisti stess li huma mdejqin bis-sitwazzjoni li hemm fl-isptar. Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni bħala tal-biki.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne l-ġimgħa l-oħra ordna inkjesta dwar dan il-każ, liema inkjesta se tkun immexxiha mill-Professur Joseph Cacciottolo.

“No comment”

Wara diversi tentattivi biex Newsbook.com.mt jaqbad mal-Onorevoli Anton Refalo, dan is-sit irnexxilu jkellem lis-sinjura Refalo li weġibtna “no comment” u talbitna nibagħtu lir-raġel tagħha.